Fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fl-Isvizzera, fi New Zealand u riċentement anke fil-Kanada, l-istealthing huwa llegali u f’uħud minnhom saħansitra huwa kkonsidrat bħala att kriminali. L-istealthing, meta jitneħħa l-kontraċettiv (condom) waqt att sesswali konsenswali bejn koppja mingħajr permess jew għarfien, fl-aħħar qiegħed isib reżistenza legali bi protezzjoni tal-vittmi. Vittmi, li għal snin sħaħ sofrew minn dak li anke l-awtoritajiet f’dawn il-pajjiżi qegħdin jikkonsidraw bħala attakk sesswali.
Barra l-fatt li persuna titlob l-użu ta’ dan it-tip ta’ kontraċettiv għal diversi raġunijiet personali, dawk prinċipali u ovvji huma l-protezzjoni minn mard li jittieħed sesswalment, jiġifieri l-STDs, kif ukoll bħala prevenzjoni minn tqala mhux mixtieqa jew ippjanata.
Fl-aħħar ġimgħa tax-xahar li għadda, Qorti Suprema fil-Kanada tat sentenza li fiha rrikonoxxiet bħala att kriminali li tmur lura mill-wegħda li jintlibes kontraċettiv. Din id-deċiżjoni wasslet biex raġel mill-British Columbia jidher quddiem ġuri akkużat b’attakk sesswali. Barra minnhekk, issa l-Kanada ngħaqdet ma’ pajjiżi oħra fid-definizzjoni tal-liġijiet tagħha fejn jidħol kunsens sesswali.
Meqjus bħala attakk sesswali jew stupru…
L-esperta dwar il-kunsens sesswali u l-liġi Kanadiza, il-Professur Lise Gotell laqgħet din il-liġi ġdida fejn sostniet li, “ebda ġurisdizzjoni oħra fid-dinja mhi ċara daqs tagħna li meta wieħed jiftiehem li jkollu x’jaqsam ma’ persuna oħra b’kontraċettiv u jitneħħa mingħajr kunsens jew għarfien, dan jikkostitwixxi f’attakk sesswali jew stupru”.
Il-każ fil-British Columbia jinvolvi koppja li saru jafu lil xulxin online lura fl-2017 u ddeċidew li jiltaqgħu biex jiċċekkjaw jekk humiex kompatibbli sesswalment. Il-mara, li isimha ma xxandarx għal raġunijiet ta’ anonimità, aċċettat li jkollha x’taqsam mar-raġel bil-patt u l-kundizzjoni li juża l-kontraċettiv (il-condom). Waqt waħda miż-żewġ sessjonijiet sesswali miftiehma, mingħajr ma qal lis-sieħba, l-akkużat ma wżax kontraċettiv. Konsegwenza ta’ dan, il-mara beżgħet tant li għamlet trattament preventiv għall-marda tal-HIV.
Ross McKenzie Kirkpatrick, kien akkużat b’attakk sesswali iżda l-ewwel maġistrat ma sabux ħati wara li sema’ l-argument ta’ Kirkpatrick li l-mara kienet tat il-kunsens tagħha għal relazzjoni sesswali miegħu. Dan minkejja li huwa naqas milli juża l-kontraċettiv kif kienu qablu oriġinarjament li jsir.
Din is-sentenza nbidlet minn qorti tal-appell fil-British Columbia li talbet li jsir ġuri ġdid. Kirkpatrick appella d-deċiżjoni tal-ogħla qorti tal-pajjiż li semgħet l-argumenti miġjuba quddiemha f’Novembru li għadda. F’sentenza li ngħatat b’ħames voti favur u erba’ kontra li tħabbret fid-29 ta’ Lulju li għadda, il-Qorti Supema Kanadiża qalet li, “att sesswali mingħajr kontraċettiv huwa fundamentalment u ta’ kwalità differenti bħala att fiżiku minn att sesswali b’condom”. Din żiedet li, “l-użu tal-kontraċettiv ma jistax jitqies bħala irrelevanti, sekondarju jew b’mod aċċidentali ladarba l-vittma kienet għamlitha bħala kundizzjoni għall-kunsens tagħha”.
L-avukat ta’ Kirkpatrick qal li din l-interpretazzjoni ġdida fil-kodiċi kriminali li se tkun applikabbli fil-pajjiż kollu, se tibdel drastikament ir-regoli tal-kunsens sesswali. Phil Cote, avukat difensur f’Surrey fil-British Colombia sostna li, “dan se jwassal biex kważi kważi, ikun hemm kuntratt li jrid jiġi ffirmat minn qabel. Fil-Kanada l-kunsens dejjem jingħata dak il-ħin iżda din id-deċiżjoni se toħloq element ta’ kunsens barra mill-mument fejn tibda l-attività sesswali. F’dan il-każ, ġranet u anke ġimgħat qabel jiltaqgħu biex ikollhom x’jaqsmu”.
Min-naħa tiegħu huwa wissa biex l-irġiel jassiguraw ruħhom il-ħin kollu li jkun hemm kunsens u jekk ma jkunux ċerti, aħjar jekk jistaqsu. Dan minkejja li fl-opinjoni tiegħu, “fil-verità, mhux hekk isir meta żewġ persuni jiltaqgħu u jiddeċiedu li jagħmlu s-sess”.
“Ma kontx naf li dak li għamel kien illegali avolja ħassejtni attakkata”
Din il-liġi ġdida fil-Kanada u diġà fis-seħħ f’diversi pajjiżi inklużi wħud Ewropej, hija meqjusa ta’ importanza kbira għall-vittmi ta’ stealthing, kif ukoll għal kull mara u raġel li jippreferu li jkunu protetti waqt att sesswali. Dan b’mod speċjali għan-nisa li barra li jistgħu jkunu esposti għal mard perikoluż, jistgħu jinqabdu tqal.
L-istealthing mhiex “moda” ġdida iżda hija attakk sesswali li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħda tiżdied. Għadd ta’ vittmi li sofrew minn dan l-abbuż kellhom il-kuraġġ jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Fost dawn hemm każ ta’ mara li ltaqgħet ma’ raġel fuq is-sit “Tinder”. Wara ftit xhur li kienu jikkomunikaw online, dawn iddeċidew li jiltaqgħu. Il-koppja mill-ewwel ħassitha komda tant li ddeċidew li jqattgħu l-lejl flimkien.
Fir-rakkont tagħha l-vittma qalet li talbet lis-sieħeb ġdid tagħha biex jilbes il-kontraċettiv. Waqt l-att huwa staqsa għal darba darbtejn biex ineħħih iżda l-mara għamlithielu ċara li ‘le’. Ġara li wara ndunat li s-sieħeb kien neħħa l-kontraċettiv u għaldaqstant hija ma kinitx protetta. “Ħassejtni vjolentata għax abbuża mil-limiti li tlabtu jirrispetta. Għamel pussess fuqi u għamel li ried b’persunti,” stqarret din il-vittma.
Għajnuna mingħand infermiera
Meta ndunat b’dak li ġralha din il-mara qabdet l-affarijiet tagħha u telqet mid-dar tiegħu. Hija marret għand ħabiba li kienet tgħix fl-inħawi u nħaslet mingħajr m’għaddielha minn moħħha li neħħiet evidenza ta’ attakk sesswali. “Ma kontx naf li dak li għamel kien illegali avolja ħassejtni attakkata u l-istint tiegħi kien li ninħasel immedjatament,” stqarret din il-mara. Hija spjegat li ma rrealizzatx li ġiet sesswalment abbużata sakemm l-għada filgħodu kien hemm infermiera li spjegatilha kollox . Hawnhekk l-istess infermiera tatha l-pillola kontraċettiva, dik magħrufa bħala l-“morning after pill”.
L-infermiera mbagħad ikkuntatjat lill-pulizija u hawn bdew l-investigazzjonijiet dwar il-każ f’unit apposta ta’ atti kriminali relatati mas-sess. Hija li ġiet mistoqsija jekk ‘hiex ċerta li trid tmexxi bl-akkużi’, qalet li ħassitha ħatja li aċċettat li jkollha x’taqsam ma’ raġel u l-fatt li staqsewha kemm-il darba jekk tridx tipproċedi kontrih, ġabuha konxja li “tista’ tirrovina ħajja ta’ bniedem”. Ironikament, dawn il-ħsibijiet ġewha proprju fil-ħin li kienet għadha qiegħda tistenna fuq ix-xwiek ir-riżultati tat-testijiet li sarulha għall-HIV u għal mard infettiv ieħor.
Mumenti fejn il-pulizija qatgħulha qalbha…
Il-vittma qalet li l-pulizija ma għenuhiex kif suppost. Anzi, kien hemm mumenti li allegatament dawn ippruvaw jaqtgħulha qalbha. Hija qalet li l-problema hija l-attitudni u l-mentalità li hemm dwar in-nisa u s-sess. Hija u tagħti l-istqarrija tagħha lill-pulizija, din il-mara ġiet mistoqsija jekk ħassithiex differenti meta tneħħa l-kontraċettiv u jekk ikkonsumatx ħafna alkoħol.
Spjegat li l-problema tiggrava għall-fatt li jaħsbu li n-nisa jigdbu dwar attakki sesswali u dan minkejja li r-Rape Crisis UK irrapporta li dan rari jsir. “Agħar minnhekk, huwa l-fatt li l-maġġoranza assoluta tal-vittmi ma jirrapputawx mal-pulizija. L-esperjenza tiegħi mal-pulizija waqfet ħesrem meta l-agressur issejjaħ biex jagħti l-verżjoni tiegħu tal-fatti fejn qal li l-kontraċettiv waqagħlu mingħajr ma nduna. Hawn spiċċajt ma stajt nagħmel xejn aktar”.
Dawn id-diffikultajiet fil-proċeduri ġew ikkonfermati minn Dott. Sinead Ring mill-Università ta’ Kent fejn qal li, “ir-rati estremament baxxi ta’ każijiet fejn irġiel jinstabu ħatja ta’ stupru huma riżultat ta’ ostakli li jsibu l-vittmi… l-aktar mill-pulizija”.
Min-naħa l-oħra, ladarba każ ta’ stupru jibda jinstema’ f’qorti, ir-rata li fiha agressur jinstab ħati hija pjuttost għolja. Is-sena l-oħra, fir-Renju Unit, din ir-rata kienet ta’ 57%. Il-ġurnal “Guardian” però, qal li f’każijiet fejn is-sess huwa konsenswali, bħal fil-każ ta’ stealthing, huwa kważi impossibbli li jinġiebu biżżejjed provi mill-vittma biex l-agressur jinstab ħati ta’ attakk sesswali.
Ring ikkonkluda li fir-Renju Unit, mingħajr kundanni tanġibbli f’każijiet ta’ stealthing taħt il-liġijiet ta’ kunsens sesswali, anke jekk is-soċjetà qiegħda taġġorna ruħha dwar dawn l-affarijiet, il-pulizija jridu jifhmu u jeliminaw l-isterjo tipi ta’ attakki sesswali.
Ladarba l-għarfien dwar l-istealthing jiżdied u jkun rikonoxxut bħala att kriminali kif suppost kemm mill-pajjiżi li diġà daħlu din il-liġi, kif ukoll minn oħrajn aktar ‘il quddiem, huwa importanti li l-vittmi li jirrapportaw jingħataw l-għajnuna u s-sostenn kollu meħtieġ. Hekk biss, il-ġlieda kontra dan it-tip ta’ attakk sesswali tista’ tiġi indirizzata b’mod effiċjenti u dinjituż għall-vittmi.
Fatti:
L-istealthing huwa kkonsidrat bħala abbuż emozzjonali u sesswali;
Fil-bidu tal-2010, beda jintuża t-terminu “stealthing”. Lejn l-2015 dan beda jiġi diskuss online fost komunitajiet omosesswali;
L-istealthing ġibed l-attenzjoni tal-midja f’April tal-2017 wara li ġie ppublikat artiklu mill-avukata Alexandra Brodsky fuq il-“Columbia Journal of Gender and Law”. Hija ddefinixxiet l-istealthing bħala attakk sesswali u rrapportat żieda f’din il-prattika li, għaliha, għandu relazzjoni ma’ stupru;
Dan reġa’ beda jissemma’ ħafna fuq il-mezzi tax-xandir f’Ottubru tal-2021 meta l-Kalifornja saret l-ewwel stat Amerikan li adotta liġi speċifika li tikkonsidra l-istealthing illegali;
Fl-istess perjodu assemblea leġislattiva fit-territorju kapitali Awstraljan li kien jinkludi Canberra, ukoll għadda liġijiet li jiddefinixxu l-istealthing bħala attakk sesswali;
Il-prattika magħrufa bħala stealthing saret tant prevalenti li wħud mill-Universitajiet Kanadiżi nkludew dan it-terminu fil-policies tagħhom dwar il-prevenzjoni ta’ attakki sesswali;
Qrati fir-Renju Uniti u fl-Isvizzera sabu persuni ħatja ta’ att kriminali minħabba li neħħew il-kontraċettiv waqt att sesswali;
Mill-1983 il-Kanada żiedet il-liġijiet tagħha kontra l-attakki sesswali fosthom emenda fil-liġi tal-istupri, kif ukoll firxa aktar wiesgħa fid-definizzjoni ta’ attakk sesswali li tinkludi azzjonijiet vjolenti barra l-penetrazzjoni mingħajr kunsens;
L-agressuri jġibu diversi skużi iżda l-aktar komuni hija dik li jħossu aktar pjaċir mingħajr il-kontraċettiv;
Stealthing jista’ jsir biex l-agressur itaqqal tfajla ħalli jżommha f’relazzjoni miegħu;
Kull min huwa vittma ta’ dan it-tip ta’ abbuż m’għandux jitfa’ t-tort fuqu. Importanti li jsiru t-testijiet għall-STDs jew għal tqala. Il-parir huwa li kull min jixtieq juża kontraċettiv, tajjeb li jixtri u jkollu fuqu aktar milli jistenna li jkollha awtomatikament il-parti l-oħra.