Sunday, November 24, 2024

Kanadiża tintbagħat 22 sena ħabs talli bagħtet ittra bil-velenu lil Donald Trump

Aqra wkoll

Kanadiża ġiet ikkundannata sentenza ta’ 22 sena priġunerija l-ħabs, fl-Istati Uniti, talli ppruvat toqtol lil Donald Trump b’ittra kontaminata bil-velenu tar-riċina, meta kien President tal-Istati Uniti.

Pascale Ferrier, ta’ 56 sena, ikkuntentat ruħha bis-sentenza wara li f’Jannar li għadda wieġbet ħatja tal-akkużi kontriha inklużi l-użu ta’ armi bijoloġiċi.

L-envelopp, li kellu jkun fatali, kien indirizzat lil Donald Trump iżda ġie interċettat mill-FBI f’Settembru 2020 qabel ma twassal lill-White House.

F’indirizz fit-tul lill-Qorti, filwaqt li qalet li rat lilha nfisha bħala attivista u mhux terrorista, Ferrier sostniet ukoll li ddispjaċieha li l-pjan tagħha falla u li “ma setgħetx twaqqaf lil Trump”.

Wara li sabet il-marki tas-swaba’ tagħha fuq l-ittra lil Trump, l-FBI ħeġġitu biex jitlaq mit-tellieqa presidenzjali.

“Sibt isem ġdid għalik: ‘The Ugly Tyrant Clown’,” kitbet fl-ittra tagħha lil Trump, skont id-dokumenti tal-FBI.

L-Imħallef Distrettwali, Dabney Friedrich, ikkundannat lil Ferrier għal 262 xahar ħabs, jiġifieri ftit anqas minn 22 sena. Hija se tiġi deportata mill-Istati Uniti lejn il-Kanada biex tiskonta s-sentenza tagħha u se tiffaċċja wkoll superviżjoni għal għomorha.

L-Imħallef Friedrich, fis-sentenza tiegħu qal lil Ferrier li l-azzjonijiet tagħha kienu potenzjalment fatali, ta’ ħsara għas-soċjetà u ta’ ħsara għall-vittmi potenzjali.

Ferrier ammettiet ukoll li fl-2019 bagħatet ittri mċappsa bl-istess velenu lil tmien uffiċjali tal-infurzar tal-liġi ta’ Texas wara li kienet miżmuma l-ħabs għal għaxar ġimgħat talli ġarret arma illegali u saqet mingħajr liċenzja valida. Hija kienet tat tort għad-detenzjoni tagħha lil dawk l-uffiċjali, skont stqarrija tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti.

Ferrier, li għandha ċittadinanza doppja (Franċiża u Kanadiża), ġiet arrestata waqt li kienet qed taqsam il-fruntiera lejn Buffalo, New York, f’Settembru 2020. Hija kienet qed iġorr pistola, sikkina u munizzjon.

Iktar tard ammettiet li għamlet ir-riċin – velenu magħmul mill-materjal ta’ skart li fadal mill-ipproċessar tal-fażola tar-riġnu – fid-dar tagħha ta’ Quebec, u poġġietu f’envelopp mal-ittra. S’issa għadd m’hemm l-ebda antidotu magħruf għar-riċina. Skont id-doża, jista’ jikkawża l-mewt fi żmien 36 sa 72 siegħa.

Fl-2014, raġel f’Mississippi kien ikkundannat 25 sena ħabs wara li bagħat ittri mċappsa bir-riċina lill-President Barack Obama u uffiċjali oħra.

Sport