Sunday, November 3, 2024

Kantanta Ingliża-Maltija tinawgura ċentru innovattiv tal-awtiżmu fl-Ingilterra

Aqra wkoll

Il-kantanta tal-opra ta’ fama internazzjonali u patruna tal-Autism Unlimited, Sophia Grech, li hi stess kienet iddijanjostikata bl-awtiżmu fl-età ta’ 45 sena, inawgurat uffiċjalment il-Chris Page Centre (CPC). 

Dan hu ċentru ġdid ta’ valutazzjoni u dijanjosi mmexxi minn esperti ta’ Autism Unlimited f’Dorset. Kull sena, dan iċ-ċentru se jkun qed iwitti t-triq għal dijanjosi tal-awtiżmu aktar mgħaġġla u esperta għal mijiet ta’ persuni.

Ir-riċerka klinika turi li d-dijanjosi, l-interventi, l-edukazzjoni u l-appoġġ bikri tal-awtiżmu jistgħu litteralment jittrasformaw għall-aħjar il-ħajjiet, billi jagħtu ċarezza lin-nies bl-awtiżmu u joffru trattamenti ċari, appoġġ u benessri għal dawn il-persuni u qrabathom. Madankollu, bil-ħinijiet ta’ stennija għad-dijanjosi tal-NHS ta’ madwar tliet snin, ħafna nies fl-Ingilterra bħalissa qegħdin ikunu mġiegħla jsofru perjodi twal ta’ iżolament u tbatijiet minħabba d-diffikultajiet soċjali, edukattivi u ta’ mġieba tagħhom.

Bħala organizzazzjoni ewlenija tal-karità għall-awtiżmu fl-Ingilterra għal aktar minn 50 sena, Autism Unlimited tinsab fuq quddiemnett fl-appoġġ tagħha għal persuni bl-awtiżmu biex jitgħallmu jgħixu bil-potenzjal sħiħ tagħhom.

Permezz tal-Chris Page Centre, li hu bbażat fuq l-istess sit tal-karità speċjalizzata Portfield School f’Parley, Christchurch, Autism Unlimited se tippermetti lill-persuni bl-awtiżmu minn madwar l-Ingilterra biex jevitaw b’mod effettiv il-ħinijiet ta’ stennija tal-NHS għall-valutazzjoni u d-dijanjosi tagħhom dwar l-awtiżmu.

B’tim espert, iċ-ċentru jista’ wkoll jipprovdi lill-adulti, tfal u familji b’appoġġ tant meħtieġ ta’ wara d-dijanjosi permezz tas-servizz tiegħu Community Connect, li joffri introduzzjonijiet lil organizzazzjonijiet oħra bħal gruppi lokali ta’ appoġġ għall-awtiżmu, kif ukoll aċċess. għal-librerija ta’ informazzjoni estensiva ta’ Autism Unlimited stess.

Sport