Il-kumpanija taż-żraben Skechers kellha teskorta lil Kanye West ’il barra mill-uffiċini tagħha ġewwa Los Angeles wara li dan daħal bil-binja “mingħajr ma avża u mingħajr stedina”. Il-kumpanija żiedet tgħid li hija “m’għandha l-ebda intenzjoni” li taħdem mar-rapper.
Il-każ ta’ Skechers kompla fuq dak li seħħ ftit tal-jiem ilu meta l-kumpanija ġganteska Ġermaniża Adidas qatgħet ir-rabtiet ma’ West. Dan kollu qiegħed iseħħ minħabba kummenti anti-Semitiċi li West għadda fuq il-midja soċjali. Meta l-aġenzija tal-aħbarijiet BBC talbet lit-tim ta’ West għal kummenti dawn ma taw l-ebda kumment.
Stqarrija maħruġa mill-kumpanija Skechers kienet tgħid li West daħal fl-uffiċini tagħhom ma’ persuni oħrajn u “kien qiegħed jieħu filmati mhux awtorizzati”. Il-grupp flimkien ma’ West kienu eskortati barra l-binja wara diskussjoni qasira. Il-kumpanija żiedet tgħid li, “aħna nikkundannaw ir-rimarki diviżivi li għamel riċentament u ma nittollerawx antisemitiżmu u forom oħrajn ta’ mibegħda.” Skechers enfasizzat li rapper ma kienx mistieden u lanqas avża minn qabel li se jżur l-uffiċini.
F’dawn l-aħħar xhur West kien involut f’numru ta’ argumenti ma’ kumpaniji kbar li wassal biex kienu diversi dawk li qatgħu l-kuntatti minn miegħu.
Min-naħa tiegħu West qatt m’għamel apoloġija għall-kummenti li għamel li kawża tagħhom wassal biex tilef ammonti kbar ta’ flus. Tant hu hekk li wara li Adidas qatgħu l-kuntatti minn miegħu l-fortuna ta’ West niżlet minn $1.5 biljun għal $400 miljun.