Thursday, December 11, 2025

Kaos fil-Parlament tal-Brażil biex titnaqqas il-piena ta’ Bolsonaro

Aqra wkoll

Il-Parlament tal-Brażil waqa’ f’kaos nhar it-Tlieta meta leġiżlaturi konservattivi komplew jagħmlu pressjoni u jimbuttaw liġi biex titnaqqas is-sentenza ta’ ħabs tal-eks president tal-lemin Jair Bolsonaro. Bolsonaro beda jiskonta sentenza ta’ 27 sena ħabs f’Novembru li għadda wara li  nstab ħati li pprova jippjana kolp ta’ stat wara li tilef l-elezzjoni tal-2022.

L-alleati konservattivi tiegħu fil-Kungress ipproponew liġi li tnaqqas il-pieni għal reati relatati mal-kolp ta’ stat. Kif inhi proposta l-liġi, teħles ukoll mill-akkużi kontrihom lil għexieren ta’ partitarji li attakkaw bini tal-gvern ftit wara li Bolsonaro telaq mill-kariga.

Sadanittant, l-avukati ta’ Bolsonaro ressqu talba uffiċjali fil-qorti li fiha talbu li Bolsonaro jingħata permess biex joħroġ mill-ħabs għal intervent kirurġiku.

Din it-talba rrepetiet talba oħra biex l-eks president jitħalla jiskonta s-sentenza tiegħu taħt arrest f’daru minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Bolsonaro qatta’ żmien f’kura intensiva aktar kmieni din is-sena wara kirurġija intestinali. Huwa kien ukoll ġie ferut b’daqqiet ta’ sikkina fl-istonku fl-2018 waqt rally.

Politikament, id-destin ta’ Bolsonaro, populista tal-lemin li ġie megħlub mill-kandidat tax-xellug Luiz Inácio Lula da Silva tliet snin ilu, għadu kwistjoni diviżiva fil-Brażil, fejn l-alleati tiegħu esploraw diversi toroq biex jeħilsuh.

Wieħed mill-leġiżlaturi saħansitra ġie kkwotat jgħid li s-sentenza ta’ Bolsonaro se titnaqqas għal sentejn u erba’ xhur ħabs. Sa tard it-Tlieta filgħaxija iżda, il-liġi proposta – li teħtieġ ratifika mit-tieni kamra tal-leġiżlatura – ma kinitx għaddiet.

Bolsonaro ngħata sentenza twila ta’ 27 sena ħabs f’Settembru wara li mħallfin tal-Qorti Suprema sabu li kien ippropona kolp ta’ stat lill-mexxejja militari, u qalu li kien jaf bi pjan biex jassassina lir-rivali tiegħu Lula.

Filwaqt li kolp ta’ stat militari ma seħħx, il-partitarji tiegħu nedew attakk vjolenti fuq bini tal-gvern fi Brasília f’Jannar 2023, u wara dan eluf ġew arrestati. Diversi uffiċjali militari għolja, żewġ eks ministri tad-difiża u eks Kap tal-Intelligence ġew ikkundannati wkoll bħala parti mill-investigazzjoni tal-kolp ta’ stat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport