Friday, December 27, 2024

Kaos u vjolenza f’Ruma: Attivisti fi ġlied mal-Pulizija kontra l-curfews imposti mill-Gvern

Aqra wkoll

Il-lejl li għadda f’ruma kien wieħed ikkaratterizzat minn tensjoni kbira hekk kif dimostranti niżlu fit-toroq u kienu involuti fi ġlied mal-pulizija wara li grupp tal-lemin estrem sejjaħ għal azzjoni kontra l-aħħar miżuri ta’ lockdown imħabbrin mill-Gvern Taljan.

L-inċidenti seħħew 24 siegħa biss wara d-dimostrazzjonijiet vjolenti li żvolġew fil-belt ta’ Napli, fejn ġiet imposta curfew u bil-president tar-reġjun jhedded li se jkun qed jadotta lockdown komplew minħabba ż-żieda kbira ta’ każi ġodda ta’ Covid-19.

Intant ilbieraħ madwar 400 attivist inġabru fi Piazza del Popolo. Il-protesta bdiet b’mod paċifiku, madankollu ħadet xejriet vjolenti meta l-pulizija talbu lid-dimostranti biex jitilqu u jwaqqfu d-dimostrazzjoni minħabba curfew li tibda f’nofsillejl li ġiet introdotta biex bħala miżura biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-virus.

Meta l-uffiċjali tal-Pulizija intervenew biex iferrxu lill-folla, id-dimostranti nġabru f’żona differenti fejn komplew il-ġlied mal-pulizija.

Attivisti anke taw in-nar lil laned taż-żibel, simili għal dak li seħħ f’Napli l-lejl ta’ qabel.

Il-protesta ġiet organizzata wara li partit politiku tal-lemin estrem Forza Nuova talab lin-nies biex tqum kontra l-curfews.

Qabel bdiet il-protesta, il-mexxej ta’ Forza Nuova Giuliano Castellino qal li l-protesta kienet se tkun waħda paċifika.

Madankollu tliet minuti qabel nofsillejl il-protesta saret vjolenti b’attivisti jattakkaw lill-pulizija.

Il-midja Taljana qalet li b’rabta ma’ dawn il-protesti ġew arrestati tmien persuni.

Intant ilbieraħ il-Ministeru għas-Saħħa tal-Italja qal li lbieraħ ġew reġistrati 19,644 każ ġdid ta’ Covid-19, b’151 persuna tmut fl-24 siegħa preċedenti.

Ekonomija

Sport