Il-Partit Nazzjonalista bħalissa suppost jinsab fi mument ta’ tiġdid b’elezzjoni għal Kap ġdid, elezzjoni li kellha tkun opportunità għal għaqda, enerġija friska u viżjoni ċara. Iżda, minflok, dak li kellu jkun proċess demokratiku u trasparenti, spiċċa espożizzjoni pubblika ta’ partit dgħajjef imtaqqal bi ġlied intern, biża’ mill-verità u biża’ mill-bażi tiegħu stess.
It-tellieqa għall-kariga ta’ Kap bejn Adrian Delia, l-eks mexxej b’passat ikkontestat u Alex Borg, il-kandidat żagħżugħ meqjus bħala l-futur tal-partit minn xi wħud u bħala “proġett magħmul” minn oħrajn, kienet mistennija toffri djalogu miftuħ u onest dwar fejn sejjer il-PN. Imma, minflok dibattitu għandna silenzju. Minflok viżjoni, saru regoli. Minflok kampanja, hemm kontroll.
Debattitu pprojbit, demokrazija mfixkla
Il-mument li l-PN ħabbar regoli li jipprojbixxu kull forma ta’ dibattitu dirett jew referenza bejniethom mill-kandidati Adrian Delia u Alex Borg, kien daqqa ta’ ħarta mhux biss lill-bażi tal-Partit, imma wkoll lill-pubbliku. Għalkemm eventwalment reġa’ ġie permess li jissemmew b’isimhom, il-projbizzjoni fuq kull dibattitu pubbliku baqgħet fis-seħħ.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna dawn ir-regoli bħala “bla preċedent u soffokanti,” u saħaq li dawn iħassru kull idea ta’ libertà tal-espressjoni. Meta partit politiku jidħol fi proċess ta’ għażla interna u jagħżel li jsikktu lill-kandidati tiegħu, ikun qiegħed juri li mhuwiex kapaċi jġorr il-piż tal-verità.
“Ħbieb” fuq il-karta, għedewwa wara l-kwinti
Uffiċjalment din l-elezzjoni ġiet ippreżentata bħala “tellieqa bejn il-ħbieb” – kliem sabiħ imma mhux fattwali. Il-lingwaġġ li qiegħed jintuża, il-manuvri strateġiċi u l-assenza ta’ dibattitu juru realtà differenti. Realtà ta’ sfiduċja profonda.
F’din il-ġimgħa Delia, li jirrappreżenta lill-framment konservattiv u populist tal-Partit, diġà esprima li lest jiddibatti “fi kwalunkwe forma.” Min-naħa l-oħra, Alex Borg, il-wiċċ ġdid u aktar marbut mal-establishment, baqa’ sieket u kawt fuq dan il-punt. Dan il-kuntrast mhux biss jirrifletti żewġ approċċi differenti, iżda juri wkoll kemm il-PN għadu maqbud bejn il-passat u futur mhux ċert.
Il-problema mhiex bejn Delia vs Borg imma fil-PN innifsu
Il-mistoqsija ewlenija mhiex min se jmexxi, imma kif se jmexxi. Jekk il-PN qiegħed jillimita l-espressjoni demokratika, jiskatta regoli li jsikktu d-dibattitu u jipprova jikkontrolla narrattiva fl-istil ta’ PR, allura ma jagħtix fiduċja li dan il-Partit se jkun, xi darba, kapaċi li joffri alternattiva vera għall-pajjiż.
Quddiem dan kollu huwa ċar li l-PN għadu maqbud f’battalja fuq min għandu jikkontrolla l-Partit u mhux fuq x’soluzzjonijiet għandu x’joffri.
Jekk tibża’ mid-dibattitu, m’intix lest għall-Gvern
Demokrazija mhux biss tagħżel kap imma hija wkoll dwar kif tagħżlu. Meta partit jagħżel it-triq tal-kontroll fuq dik tad-dibattitu, jibgħat messaġġ ċar lill-elettorat: aħna għadna mhux lesti.
Jekk il-PN irid jerġa’ jinstema’, l-ewwel irid jisma’. Jekk irid joffri tmexxija ġdida għall-pajjiż, irid jibda billi juri kuraġġ li jiffaċċja d-differenzi tiegħu nnifsu. S’issa, f’din l-elezzjoni, dan il-kuraġġ huwa ineżistenti.