Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ wera kemm hu populist u li għall-iskopijiet partiġġjani u mmaturi tiegħu kien lest iniżżel lill-Kap tal-Istat fl-arena politika.
Għax dgħajjef, ma kienx lest ikompli u jipprova jasal kif għamlu l-predeċessuri tiegħu.
L-Erbgħa, Alex Borg kellu jċedi u jagħmel U-turn wara li ħalla pajjiż imdendel sal-aħħar minuta meta pperikola kriżi Kostituzzjonali. L-għada l-Ħamis spiċċa ngħata lezzjoni Kostituzzjonali ta’ kif m’għandux jilgħab logħob partiġġjan ma’ karigi Kostituzzjonali.
Wieħed issa jittama li jerġa’ jiddjaloga b’mod serju kif dejjem hu l-Gvern dispost fl-interess nazzjonali dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef.
Fl-aħħar snin, il-Prim Ministru Robert Abela ddjaloga u rnexxielu jilħaq ftehim dwar diversi karigi Kostituzzjonali mal-predeċessuri tal-Kap tal-Oppożizzjoni attwali, inkluż fuq il-kariga in kwistjoni fejn ma kienx hemm l-obbligu Kostituzzjonali tal-vot taż-żewġ terzi.
L-appell jibqa’ wieħed: maturità.

