Dak li seħħ f’dawn il-jiem wera biċ-ċar dak li ħafna kienu qed jistennew li se jiġri. Alex Borg tilef il-kontroll tal-Partit Nazzjonalista. Illum huwa ċar li m’hemmx differenza bejnu u bejn il-kapijiet ta’ qablu. L-istess kliem sabiħ, l-istess kontradizzjonijiet, l-istess kaos. U dawn huma fatti, mhux sempliċiment opinjoni.
L-ewwel fatt:
Alex Borg qal li ma jaqbilx li tiżdied il-paga tiegħu. Imbagħad żewġ deputati tiegħu stess – Darren Carabott qal li jaqbel ma’ diskussjoni dwar il-pagi tal-politiċi filwaqt li Adrian Delia qal li l-pagi tal-politiċi għandhom jiżdiedu.
It-tieni fatt:
Alex Borg jgħid li hu favur id-drittijiet ċivili. Imma l-gazzetta tal-Partit tiegħu fetħet attakk bla waqfien fuq dawn l-istess drittijiet.
It-tielet fatt:
Alex Borg jgħid li jrid jaħdem favur il-bajda u l-ħamra. Imma mbagħad id-Deputati tiegħu fil-Parlament, bl-approvazzjoni sħiħa tiegħu, ostakolaw parti mix-xandira tad-diskors tal-Prim Ministru.
Dak li qed naraw illum hu ċar kristall: Alex Borg tilef il-kontroll. Mhux biss tan-narrattiva, mhux biss tad-deputati tiegħu, imma tal-Partit Nazzjonalista. U b’kull rispett, min m’għandux kontroll tal-Partit ma jistax jiġi fdat bil-kontroll tal-pajjiż. Kif jista’ l-poplu jafda partit li jinsab f’dan il-kaos?
Imbagħad, ġie bil-50 ‘proposta’. Il-50 proposta ta’ Alex Borg mhumiex proposti. Huma xewqat. Meta tgħid li trid tattira turisti li jonfqu aktar… u tieqaf hemm: dik mhux proposta tkun, imma xewqa, jekk mhux miżinformazzjoni kif inqabad jagħmel fuq il-paragun ma’ Ibiza.
“Ninvestu iżjed fil-kura paljattiva,” qalilna. Kif? X’se tagħmel? Bla idea konna, u bla idea bqajna. Mhux ovvju li rridu ninvestu fil-kura paljattiva? U filwaqt li Alex jitkellem fuq xewqat, dan il-Gvern diġà żied 5 miljun ewro f’dan is-settur.
Dawn mhux proposti. Dawn xewqat. Qishom xi lista ta’ ChatGPT. Qalilna li jrid flexible hours fis-servizz pubbliku. Imma jaf li dan diġà jeżisti u huwa wieħed mill-iktar sistemi family friendly fil-pajjiż?
Qalilna li rridu nassistu lill-NGOs. Xewqa oħra ta’ Alex Borg. Imma din ix-xewqa ilna li wettaqniha. Fl-aħħar sena biss: 60 proġett għal għaqdiet tal-festi u reliġjużi, u 77 proġett għal għaqdiet sportivi.
Jgħid li jrid jgħin lin-negozji. Imma dan il-Budget diġà għandu €100 miljun f’inċentivi għal min iħaddem: l-akbar pakkett għan-negozji u d-diġitalizzazzjoni fl-istorja ta’ pajjiżna. Jgħid li jrid jraħħas it-taxxi. Imma Robert Abela diġà ta l-akbar tax cut fl-istorja lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Jgħid li jrid inaqqas it-taxxa fuq il-part-time u l-overtime. Diġà niżżilna r-rata minn 15% għal 10%. Jgħid li jrid niċeċ ekonomiċi ġodda. Fejn kien meta bnejna l-esports, il-medtech, u d-digital nomads? Aħjar jara li ma jnawwarx niċeċ eżistenti b’dikjarazzjonijiet miżinfurmati kif għamel fuq il-mediċini ġeneriċi! Jgħid li jrid jagħmel ġustizzja mal-ħaddiema tal-kuntrattur. Diġà ħabbarna li se nagħtu €35 miljun f’pagamenti ġodda lil dawn il-ħaddiema.
Alex Borg jipprova jbigħ xewqat bħala proposti. Jipprova juri kontroll meta l-kontroll ilu li tilfu. Jipprova juża kliem sabiħ imma meta tagħsar ma ssib xejn.
Mill-politika tiegħu sal-mod kif imexxi l-partit, Alex Borg hu każ ċar ta’ ħawwadni ħa nifhmek. Jgħid li qed jiddefendi d-demokrazija… imma jibża’ mill-kelma tal-Prim Ministru. Lil hinn mill-popoliżmu tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-isteriżmu tad-Deputati tiegħu, aħna mhux xewqat nagħtu lill-poplu, imma riżultati, direzzjoni u serjetà.

