Tuesday, April 30, 2024

Kapaċi tibqa’ ħaj wara ħamest iljieli?

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

It-thriller tal-orrur “Five Nights at Freddy’s” kien ir-re tal-box office Amerikana fi tmiem il-ġimgħa b’dħul ta’ $78 miljun.  Dan il-film ikompli jikkonsolida lil Blumhouse Pictures li saret iċ-champion ta’ dan il-ġeneru.

Is-suċċess ta’ dan il-film hu wieħed partikolari għax il-film ħareġ fit-teatri u fuq il-platform diġitali Peacock li hi tal-kumpanija Universal.  Id-dħul hu t-tieni l-aħjar wieħed għal film ispirat minn video game.  Hawnhekk, il-film li għadu jirrenja hu “The Super Mario Bros. Movie” li ddebutta f’April b’dħul ta’ ftit aktar minn $146 miljun fl-ewwel tliet ijiem.

Mis-swieq barra l-Istati Uniti, dan il-film kellu dħul ta’ $52 miljun.  Hawn Malta jibda jintwera millum.

Fit-tieni post kompla sejjer tajjeb il-concert film “Taylor Swift: The Eras Tour”.

Filwaqt li “Five Nights at Freddy’s” m’għandux atturi popolari u xorta kellu suċċess, ma jistax jingħad l-istess għall-film drammatiku ta’ Martin Scorsese “Killers of the Flower Moon” li waqa’ għat-tielet post b’dħul ta’ $9 miljun.  “Flower Moon” għandu lil Leonardo DiCaprio u Robert De Niro fil-partijiet ewlenin.  Irid jingħad li din il-ġimgħa, il-kumpanija Paramount wissiet diversi sidien tat-teatri fl-Ewropa li ddeċidew li jaqsmu dan il-film b’intermission.  Martin Scorsese irid li l-film jintwera mill-bidu sal-aħħar bla waqfien.

Five Nights At Freddy’s

Il-kumpanija Blumhouse tkompli tagħtina aktar films tal-orrur, din id-darba dawwret ħarsitha għall-ewwel darba fuq sors li oriġina bħala video game li debuttat fl-2014: “Five Nights at Freddy’s”. 

Josh Hutcherson għandu l-parti ta’ Mike Schmidt, impjegat bħala security guard imma mimli problemi. Barra minn hekk, irid jieħu ħsieb t’oħtu li għad għandha 10 snin u jisimha Abby (Piper Rubio).

Wara li jkun tkeċċa minn impjieg, Mike ikun iddisprat li jsib xogħol f’malajr ħalli jżomm il-kustodja t’oħtu Abby.  Għalhekk jaċċetta impjieg billejl f’Freddy Fazbear’s Pizza.  Mike ma jdumx ma jintebaħ li f’dan il-post xejn mhu kif wieħed jistenna u jara.  

Bil-għajnuna tal-pulizija Vanessa (Elizabeth Lail), l-iljieli li jgħaddi Mike iwassluh għall-affarijiet mhux spjegabbli u sopranaturali.  Protagonisti huma l-erba’ pupi-monstri kbar jiċċaqilqu li huma prodott ta’ Jim Henson’s Creature Shop.

Il-film jibbaża ħafna fuq xeni li jagħtuk qtajja.  Fil-bidu huma effettivi imma aktar tard fil-film isiru anqas b’saħħithom.  Inħoss li l-akbar nuqqas li għandu l-film li jikkonċentra żżejjed fuq il-weġgħat u l-istorja ta’ familtu.  Dan minkejja l-iscript hu ta’ Scott Cawthon li ħoloq il-video game.  Miegħu hemm ukoll tnejn oħra, inkluż id-direttur Emma Tammi.  Meta ħadu din il-linja, il-film spiċċa wisq mimli dwejjaq ipparagunat mal-video game, b’ħela ta’ ħin jipprova jsib narrattiva li tagħmel sens minn sitwassjonijiet assurdi.

Meta script ikollu dawn in-nuqqasijiet, u direzzjoni li ftit tispirak, ftit hemm x’jista’ jsir mill-atturi.  Is-suċċess tal-film fil-box office hu aktar dovut għall-kurżita ta’ dawk it-tfal u żagħażagħ li jħobbu jilgħabu din il-logħba.

“Five Nights At Freddy’s” hu kklassifikat 15 minħabba xeni ta’ biża’ u vjolenza.

Quiz Lady

Bil-possibilità ta’ streaming fuq l-internet, il-kumpaniji qed isibuha komda li numru ta’ films li huma jaħdmu b’budġit żgħir, ipoġġuhom fuq streaming platform u bihom iżidu l-abbonati.  Finalment il-kumpaniji jispiċċaw jaraw aktar qligħ milli kieku joħorġuhom fit-teatri. Dan hu l-każ ta “Quiz Lady” li għandu kast tajjeb u kummiedja passabbli.

Awkwafina tiddomina l-film fil-parti ta’ Anne.  Tkun mara ossessjonata fuq il-game shows televiżivi.  Hi jkollha tissieħeb ma’ oħtha Jenny (Sandra Oh) sabiex jgħinu lill-ommhom tħallas lura d-dejn li għamlet minħabba l-logħob.  L-affarijiet jikkumplikaw rwieħhom meta l-kelb li jkollha Anne jinħataf.  Possibilità li jaraw hi li Anne tieħu sehem fix-show televiżiv immexxi minn Terry McTeer (Will Ferrell).  

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Jessica Yu, “Quiz Lady” mhux ser idaħqek il-ħin kollu.  Imma l-entużjażmu li juru Awkwafina u Sandra Oh jagħmlu tajjeb biex iżommulna l-interess.

“Quiz Lady” hu kklassifikat 15 minħabba lingwaġġ u użu tad-droga.

Sport