Monday, February 23, 2026

KAPITALI VIBRANTI MIMLIJA ATTIVITÀ

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem ġew ippubblikati r-riżultati ta’ żewġ surveys li saru mill-Prof. Vincent Marmarà dwar l-andament ekonomiku fil-Belt Valletta b’mod partikolari fi żmien il-festi tal-Milied. Riżultati li jħarsu wkoll lejn l-aspett soċjali u kulturali li spikka sew f’dan iż-żmien. Iżda fuq kollox jirriflettu l-impenn tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li tkompli toħloq Kapitali vibranti u mimlija ħajja b’attivitajiet li qed narawhom isiru matul is-sena kollha. 

Għalhekk huwa tajjeb li nixtarru sew ir-riżultati ewlenin li joħorġu minn dawn is-sondaġġi. ’Il fuq minn 66% żaru l-Belt Valletta f’Diċembru li għadda, bil-maġġoranza ta’ dawk li żaru l-Kapitali jgħidu li għamlu dan sabiex jaraw is-siġra u d-dwal tal-Milied, sabiex jieklu f’ristorant jew kafeterija jew sabiex jattendu għall-attivitajiet ta’ Christmas in the Capital. 

F’dak li għandu x’jaqsam man-negozji, ’il fuq minn 51% tan-negozji fil-Belt Valletta qalu li f’Diċembru 2025 marru aħjar minn Diċembru 2024. Dan filwaqt li ’l fuq minn 54% tan-negozji fil-Belt qalu li f’Diċembru 2025 kellhom iżjed dħul minn Diċembru 2024. Barra minn hekk, il-maġġoranza assoluta tan-negozji fil-Belt Valletta qalu li l-programm ta’ attivitajiet tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta – Christmas in the Capital – għenhom fin-negozju tagħhom.

Nilqgħu b’sodisfazzjon dawn ir-riżultati li qed ikomplu jwittu t-triq għal aktar inizjattivi li se jsiru matul din is-sena, bl-aġenzija għandha mħejji programm ippakkjat t’attivitajiet b’investiment ta’ €4.5 miljun li żgur mhux forsi se jinżlu tajjeb mal-poplu Malti kollu u anke ma’ dawk kollha li jżuru dawn il-gżejjer.

Għalhekk, huwa ta’ min ifaħħar ukoll l-impenn tal-Aġenzija li qiegħda żżomm mal-wegħda tagħha li ssaħħaħ u ssostni l-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali vibranti tal-Belt Valletta. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma li fl-aħħar mill-aħħar issarraf f’ġid kbir u anke tippermetti wkoll l-iżvilupp ta’ ħiliet kreattivi ma’ diversi artisti, partijiet interessati, membri tal-komunità u organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi.

Nemmnu li l-VCA għandha tassew għalxiex tkun kburija bis-suċċessi li qiegħda tikseb, fejn l-attivitajiet organizzati qegħdin jintlaqgħu tajjeb ferm mill-pubbliku inġenerali fl-istess waqt li huma tal-ogħla livell u fuq kollox inizjattivi li tassew jixirqu lill-Belt Kapitali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport