Il-mudella żagħżugħa Shailey Micallef tinsab verament onorata sabiex tħabbar ir-rappreżentazzjoni tagħha fil-konkors prestiġjuż Miss Grand International f’isem Malta li se jsir din is-sena ġewwa t-Tajlandja. Dan huwa wieħed mill-ikbar avvenimenti f’din l-industrija tal-beauty pageant fejn l-aqwa mudelli minn madwar id-dinja jingħaqdu flimkien bil-għan li jaqsmu t-talent tagħhom. Il-konkors huwa segwit minn miljuni ta’ nies madwar id-dinja, b’total ta’ madwar 13 miljun persuna li jsegwu l-avveniment fuq il-pjattaformi soċjali u aktar minn 16.5 miljun persuna li jgawdu l-finali ta’ show live.
Dan is-sit tkellem ma’ Shailey Micallef innifisha fejn tatna iktar dettalji:
“Kienet dejjem il-ħolma tiegħi, hekk kif bdejt ta’ etá żgħira f’din l-industrija, li nirrappreżenta lil pajjiżi f’kompetizzjonijiet prestiġġjużi internazzjonali bħal dawn. Waqt li diġà ħadt sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali oħra, bħal Miss Supranational 2021 fil-Polonja, se nwassal miegħi l-esperjenzi u t-tagħlim li ksibt matul din il-vjaġġa. Ir-realtà hija li ma kinitx faċli nibbilanċja din il-ħolma mal-aħħar sena tal-Masters fl-Accountancy. Iżda, kull darba li nħossni taħt pressjoni, infakkar lili nnifsi għalfejn qed nagħmel dan kollu: biex bil-mod il-mod nilħaq il-ħolm tiegħi, waħda wara l-oħra.”
“B’qalb mimlija gratitudni, qed nħares ’il quddiem lejn din l-esperjenza u qed nipprepara lili nifsi kemm mentalment kif ukoll fiżikament, biex nagħmel lil Malta kburija. Din hija opportunità unika biex ngħolli isem Malta ’l fuq u nuru lid-dinja s-sbuħija, it-talenti u r-reżiljenza tal-Maltin. Bħala Ambaxxatriċi taż-Żgħażagħ tal-Malta Trust Foundation, qed nuża din il-pjattaforma biex inkompli nqajjem għarfien u niġbor fondi għal kawża nobbli li nemmen ħafna fiha. Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi għal kull sapport li dejjem fil-ħolm u l-ambizzjonijiet tiegħi.”
“Grazzi speċjali tmur lid-direttur tiegħi, Jeff Francalanza, li dejjem emmen fija u għeni nikber f’din l-industrija bil-pariri u l-ispirazzjoni tiegħu. Il-fiduċja tagħkom kienet il-qawwa tiegħi, u mingħajrkom ma kontx nasal sa hawn. Din l-esperjenza hija kemm tiegħi kif ukoll tagħkom – grazzi minn qalbi! Lil kull min għandu ħolma, infakkar li l-isfidi huma parti mill-vjaġġ. Tħallux lil ħadd jew xejn iwaqqafkom milli timxu ’l quddiem. Emmnu fikom infuskom, ħallu d-dawl tagħkom jiddi, u dejjem afdaw fil-pjanijiet t’Alla. Ir-rebbieħa veri huma dawk li ma jaqtgħu qalbom qatt. Dan huwa kapitlu ġdid għal Malta fuq il-palk internazzjonali!”