Sunday, December 22, 2024

Kaptan Tuneżin arrestat b’rabta ma’ sajd illegali fl-ibħra territorjali Maltin

Aqra wkoll

Il-Ħadd filgħaxija, il-Pulizija tal-Għassa tal-Belt Valletta flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kif ukoll mal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw bastiment tas-sajd Tuneżin li kien għadu kif trakka f’Xatt il-Barrieri. Dan wara li allegetament il-bastiment kien involut f’sajd illegali fl-ibħra territorjali Maltin. 

Minn aktar investigazzjonijiet mill-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija li saru dalgħodu, wara li l-bastiment ittieħed fil-Marsa Landing Facility, irriżulta li l-bastiment ma kellux liċenzji biex jintuża għas-sajd fl-ibħra territorjali ta’ Malta. 

Il-Kaptan, Tuneżin ta’ 29 sena, ġie arrestat mill-Pulizija filwaqt li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kkonfiskaw madwar 500 kilogramma ta’ ħut u tagħmir tas-sajd. 

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

F’intervista li dan is-sit għamel mal-ftuħ tal-istaġun tal-lampuki, sajjied Malti qalilna li fl-opinjoni tiegħu l-akbar sfida għas-sajjieda Maltin mhumiex ir-regolamenti kollha li jikkontrollaw il-qbid, iżda l-bastimenti barranin li qegħdin jidħlu fit-teritorju Malti mingħajr moniteraġġ. 

Sostna li filwaqt li s-sajjied Malti jinsab taħt skutinju ta’ kontrolli skont ir-regolamenti – liema regolamenti huwa qal li jaqbel magħhom ladarba dawn ikunu għal kulħadd, sajjieda barranin qegħdin jaslu fit-territorju tal-Maltin u minħabba li mhumiex lokalizzati fuq is-sistema tal-awtorità qed jispiċċaw “jaħtfu” huma qabel il-Maltin.

Min-naħa tagħha Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalitilna li saret sejħa wkoll għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea biex l-ibħra tagħna jkunu aktar protetti u jingħata l-appoġġ li hemm bżonn lis-sajjieda Maltin biex ikunu protetti mit-theddid ta’ sajjieda ta’ pajjiżi terzi.

Ekonomija

Sport