Sunday, December 22, 2024

Kariga li se nħares lejha bħala unur u b’ottimiżmu – Winnie Buhagiar (coach tan-nisa ta’ Hibernians)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Il-familja tagħna minn dejjem kienet waħda sportiva u fis-Siġġiewi il-Basketball kien l-unika sport li stajna nipprattikaw. Bdejt nilgħab minn meta l-klabb ta’ Siġġiewi għaqdu l-ewwel team taghhom, kelli 16-il sena.

Kif qed tħares lejn ir-rwol ġdid tieghek bhala kowċ tat tim tan Nisa ta Hibernians?

Bħal kull rwol ġdid, din hija sfida … biss li se nkun il-kowċ tal-Hibs inħares lejha bħala unur u b’ottimiżmu. Ir-rwol ta’ kowċ se jgħinni nagħti dak li tgħallimt tul is-snin nilgħab u fl-istudji tiegħi lil ġenerazzjoni ġdida ta’ plejers li għandna fil-club tagħna. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-irwol tiegħi se nużah b’ħilti kollha biex indahhlu lura l-imħabba, il-passjoni u mentalitá rebbieħa li t-timijiet tan-nisa tal-Hibernians dejjem konna magħrufin għaliha.

Taħseb li għandkom tim b’saħħtu biżżejjed biex tirbħu l-kampjonat?

Għadu kmieni wisq biex nispekulaw fuq hekk, iżda mit-talent żagħżugħ li hemm, diga nara fihom l-elementi kollha biex flimkien niksbu xi ħaġa speċjali għal dan il-club. Hemm ippjanati xi akkwisti ta’ plejers ġodda fil jiem u l ġimghat li ġejjin? L-ewwel prijorita’ se tkun li nsaħħu u nutilizzaw bl-aqwa mod il-players zgħażagħ li diġa’ qiegħdin magħna, b’mix ma players oħrajn Maltin u barranin li qed nitkellmu magħhom biex insaħħu l-iskwadra tagħna. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ diversi plejers lokali kif ukoll barranin biex naraw kif nikkrejaw l-aqwa atmosfera biex il-grupp ta plejers li jkollna jsaħħu l-opportunitajiet ta’ rebħ flimkien.

Taqbel miegħi li l-livell tal-kampjonat tan-nisa żdied ferm matul dawn l-aħħar snin?

Il-fehma tiegħi hi li elementi ta’ plejers li għandhom livell għoli hemm, iżda minħabba li m’hemmx biżżejjed klabbs biex ikollna kampjonat aktar kompetittiv nemmen li fadal ħafna iktar xi jsir biex nilħqu l-livell mixtieq minn dawk li jħobbu l-basketball. Xhieda ta’ dan li qed ngħid huwa s-settur tas-seniors tan-nisa li nsibu biss erba’ timijiet jikkompetu fih. Madankollu, jidher li l-futur tal-basketball huwa sabiħ, għall-fatt li fis-settur tal-Juniors qed naraw aktar timijiet jiffurmaw u jikkompetu. Dan Iva, jawgura tajjeb għall-futur.

Bħala riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom, dawn kif tiddeskrivihom?

It-tim tal-Hibs, nazzarda ngħid li huwa uniku fejn jidħlu riżorsi biex isir t-taħriġ tal-basketball u dan grazzi għall-ħidma ma’ taqta xejn tul dawn l-aħħar 40 sena li ilu mwaqqaf il-klabb tagħna. Xhieda ta’ dan kollu hija n-nursery tat-tfal li tirrapreżenta kważi n-Nofsinhar kollu ta’ Malta. Il-kumpless ta’ Kordin, fejn nittrenjaw huwa wieħed mill-aqwa għall-basketball, li hu mgħammar b’court għal wieħed, tnejn, gym dedikat għall-plejers tagħna u personal trainer li jiffoka biss fuq il-basketball u l-plejers tagħna. Dan kollu juri l-investiment kontinwu u l-fiduċja li l-klabb għandu fil-plejers u kowċis tiegħu. Huwa unur għalija li erġajt ingħaqadt ma’ dan it-tim, li jġeddidli ħafna memorji u jagħtini l-enerġija li naħdem biex niksbu iktar suċċessi flimkien.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball. Il-basketball huwa t-tieni familja tiegħi. Il-loghba tal-basketball, lili bħala plejer tatni sodisfazzjon kbir. Kien il-mezz ta’ kif kont nistrieħ mentalment wara ġurnata xogħol. Għall-ġenerazzjoni futura, nemmen li meta tkun qed tieħu sehem fi sport, speċjalment fil-basketball, dan jgħinek fid-dixxiplina personali, it-‘time management’ u preparazzjoni għad-dinja ta barra. Biex tkun suċċess fil-basketball iżda jirrikjedi li tagħmel sagrificcju kbir ta’ taħriġ kuljum u dixxiplina kbira fejn jidħol ħruġ u divertiment. Fuq kollox il-messaġġ tiegħi hu li l-basketball huwa mezz ta’ kif tagħmel il-ħbieb u ssib it-tieni familja tiegħak. Is-sigriet tas-suċċess huwa li ma taqta’ qalbek qatt!

Ekonomija

Sport