Monday, December 9, 2024

Karmenu Mifsud Bonnici ried lil ħaddieħor jgħid dak li għandu jgħid dwaru

Aqra wkoll

Karmenu Mifsud Bonnici ma riedx jikteb l-awtobijografija tiegħu, iżda kien jippreferi jħalli lil ħaddieħor jgħid li għandu jgħid dwaru. Dan qalu Joe Borg, l-editur tal-ktieb KARMENU, IL-VERITȦ, XEJN ANQAS MILL-VERITȦ,  fil-Palazz tal-President f’San Anton. Joe Borg qal li ftit ġimgħat qabel miet Karmenu Mifsud Bonnici sentejn ilu iltaqa’ ma’ Karmenu u minn hekk nibet il-ħsieb li jiġbor  rakkonti miktubin minn kontemporanji dwar  ġrajjiet marbuta mal-ħajja pubblika tiegħu mis-snin sittin sal-aħħar xhur ta’ ħajtu u bijografija.

Dawn l-24 rakkont jittrattaw l-involviment ta’ Karmenu  fiż-ŻĦN; l-influwenza fuqu tat-tagħlim soċjali tal-Kardinal Cardijn, l-istudji tiegħu f’Londra li wassluh għall-impenn trejdunjonistiku tiegħu fi ħdan il-GWU fi tmiem is-snin sittin; l-impenn politiku fi ħdan il-Partit Laburista; it-tliet snin li tulhom kien Prim Ministru bejn l-1984-1987; il-ħames snin (1987-1992) li kien Kap tal-Oppożizzjoni; ir-rispett enormi li kellu lejn Dom Mintoff; ir-relazzjoni tiegħu ma’ Eddie Fenech Adami mindu kienu studenti tal-Liġi fl-1955; l-involviment tiegħu fil-Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali u fil-Front Maltin Inqumu; il-ħidma tiegħu sal-aħħar nifs biex jiddefendi n-newtralità ta’ Malta.  

Anthony Ellul qara siltiet minn kitbiet awrentiċi ta’ Karmenu Mifsud Bonnici waqt li Mro Dominic Galea interpreta siltiet mużikali fuq il-pjanu.

Prof Yosanne Vella. Professur tal-Pedagoġija u l-Istorja tkellmet dwar id-diversi aspetti tal-ħajja ta’ Dr. Mifsud Bonnici.

Il-ktieb huwa ippubblikat minn SKS. Jibda jinbigħ fl-istand tal-SKS waqt il-Festival tal-Ktieb  bejn 6-10 ta’ Novembru f’Ta’ Qali bil-prezz speċjali ta’ €20. Wara jinbigh mill-ħwienet tal-kotba €25.

Ekonomija

Sport