Għadd ta’ karozzi kienu fuq il-blat jistennew grupp ta’ immigranti jiżbarkaw minn fuq dgħajsa biex jiddaħħlu Malta llegalment. Filwaqt li grupp minn dawn l-immigranti mill-Bangladesh telqu f’dawn il-karozzi grupp ieħor marru jistaħbew fl-għelieqi tal-madwar.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Lydon Zammit, hekk kif quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud kompla s-smigħ tax-xhieda kontra Roger Mangion ta’ 64 sena u Mohammed Derbel ta’ 46 sena mit-Tuneżija, li jinsabu mixlija bi traffikar ta’ immigranti u bi kriminalità organizzata.
L-Ispettur Zammit beda biex qal li fl-14 ta’ Settembru 2022 għall-ħabta tal-3.30 a.m. il-pulizija rċeviet informazzjoni li fl-inħawi ta’ Delimara kienu żbarkaw numru ta’ persuni minn fuq dgħajsa li allegatament kienu immigranti illegali li daħlu Malta mingħajr permess.
L-informazzjoni kienet li kien hemm numru ta’ karozzi fuq il-blat, fuq il-moll fejn trakkat id-dgħajsa li kienu qed jistennewhom fejn grupp kienu rikbu f’dawn il-karozzi u kien hemm grupp ieħor li kienu qed jistaħbew fl-għelieqi tal-madwar.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u hemm ġew miżmuma 10 persuni mill-Bangladesh li allegatament kienu parti minn dan il-grupp li kien wasal b’dgħajsa partikolari. Meta ġew mitkellma, huma spjegaw li kienu telqu mill-port tal-Libja minn Tripoli, kienu wasluhom sa ħdejn vapur kbir tas-sajd fl-ibħra internazzjonali li fuqu kien hemm persuni mill-Bangladesh, mill-Pakistan u s-Sirja.
Imbagħad qabel daħlu Malta kienu trasferiti fuq lanċa oħra żgħira li fil-fatt kienet daħlet hawn Malta u trakkat ħdejn il-power station.
Waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, wieħed mill-persuni mill-Bangladesh semma li d-dgħajsa kienet misjuqa minn Sirjan, li l-pulizija rnexxielha tasal għalih u arrestatu. Dan tal-aħħar kien spjega li hu kien jaħdem fuq lanċa tas-sajd li s-sid tagħha kien Roger Mangion minn Birżebbuġa.
Kien spjega wkoll li miegħu kien jaħdem persuna Tuneżina, li aktar tard ġie identifikat bħala Mohammed Derbel. Spjega li xi żmien qabel l-14 ta’ Settembru, Derbel, kien qallu biex jitla’ miegħu biex ibigħu dgħajsa lil Libjani.
Qal li kienu telgħu u li din id-dgħajsa kienet inbiegħet fuq il-baħar barra mill-ibħra territorjali Maltin. Kompla li fit-8 ta’ Settembru 2022, hu flimkien ma’ Roger, Derbel u Indoneżjan li kien jaħdem magħhom kienu ħarġu fuq il-baħar u wara li għamlu xi ħin jistadu kienu ltaqgħu ma’ vapur li fuqu kellu l-immigranti illegali. Imbagħad ikkonferma li iktar tard, jiġifieri fl-14 ta’ Settembru kienu daħlu lura b’dawn l-immigranti.
Is-Sirjan kien tressaq il-Qorti fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kien anke xehed fejn ikkonferma l-involviment tal-imputati, anke l-bejgħ ta’ ċertu dgħajjes minn Mangion.
L-Ispettur qal ukoll li Mangion kien ammetta mal-pulizija li kien ħareġ bid-dgħajjes flimkien ma’ tliet persuni oħra. Ikkonferma li ż-żewġ dgħajjes li kienu tħallew fil-baħar u huma kienu rritornaw b’dgħajsa waħda. Kien spjega li waħda mid-dgħajjes “Pauline Mary” kien biegħha għal €11,000 lil Derbel.
Ix-xhud qal li fuq dan il-każ tressqu erba’ persuni li għenu biex jiġu l-familjari, persuna oħra li ammettiet l-akkużi, u Eġizzjan li l-każ tiegħu għadu għaddej. Qal ukoll li għaddejjin proċeduri l-imputati Mangion u Derbel, li għarafhom fl-awla.
Il-każ ikompli.