Karrijiet żgħar kollha kuluri u mużika ferrieħa minn baned ħolqu atmosfera Karnivaleska mill-isbaħ fil-Ħamrun bi sfilata li għaliha attendew familji bit-tfal, kif ukoll persuni entużjasti ta’ din l-attività ċċelebrata ta’ kull sena kemm f’pajjiżna, kif ukoll madwar id-dinja kollha.
Il-Karnival 2023 huwa l-ewwel wieħed wara l-pandemija tal-Covid-19. Fortunatament it-temp ippermetta wara li f’dawn il-ġranet kellna maltemp qawwi li seta’ jħassar il-pjanijiet kollha.
Din il-festa tal-bluha bdiet tiġi ċċelebrata ġimgħa qabel fil-Ħamrun u anke fin-Nadur, Għawdex biex ċerti lokalitajiet jingħataw ċans qabel dawk ewlieni fosthom tal-Belt u tar-Rabat, Għawdex.
Il-Karnival 2023 se jibda uffiċjalment nhar il-Ġimgħa li ġej b’karrijiet, sfilati u żfin fil-Belt Valletta u jilħaq il-qofol tiegħu t-Tlieta ta’ wara bl-aħħar defile fit-Triq Sant’Anna u f’Għawdex fi Triq ir-Repubblika.