Saturday, December 14, 2024

KARUS – app ġdida sabiex jissaħħaħ l-għarfien finanzjarju

Aqra wkoll

Żewġ skejjel u student rebħu kompetizzjonijiet bħala parti mill-pjattaforma ĠEMMA. Dawn l-inizjattivi isiru fuq bażi regolari sabiex jinkoraġġixxu aktar għaqal fl-infiq u anke ppjanar finanzjarju. Dawn il-kompetizzjonijiet saru fl-iskejjel kollha tal-Istat, tal-Knisja u dawk privati biex iħeġġu aktar għarfien finanzjarju, sabiex minn etajiet żgħar it-tfal jitgħallmu jieħdu deċiżjonijiet għaqlija dwar l-immaniġġjar tal-flus.

Bit-tema “Build your Future, be Smart about Money”, għaxar skejjel ipparteċipaw u ħejjew proġett viżwali, ta’ għaxar minuti, fejn fih juru l-proposta finanzjarja tagħhom. Dawn il-filmati jgħinu sabiex it-tfal jifhmu aħjar is-suġġett b’mod kreattiv.  Il-Kulleġġ San Tumas More u l-Kulleġġ San Ġorġ Preca rebħu din il-kompetizzjoni għall-ideat li ħarġu bihom.

L-istudent Daniel Attard rebaħ kompetizzjoni distinta bl-isem ta’ KARUS – li minn kunċett inbena prototip. Fil-fatt, dan l-istudent irnexxilu joħloq l-app KARUS li issa tista’ titniżżel bla ħlas kemm fuq Android u anke IOS. Din l-app tgħin lit-tfal biex jżidu l-għarfien dwar l-immaniġġjar tal-flus. L-app tista’ titniżżel mis-sit: https://gemma.gov.mt/karus/.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon faħħar l-inizjattiva li ħadet il-pjattaforma ĠEMMA u qal li inizjattivi bħal dawn għandhom ikunu mħeġġa fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex, sabiex jippromwovu aħjar il-kunċett finanzjarju.  

“Kemm huwa importanti li nedukaw ruħna minn etajiet żgħar, għax hekk biss nistgħu nsaħħu l-bażi għas-sostenibbiltà fit-tul ta’ proċessi oħra finanzjarji, bħall-pagi fost oħrajn,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Intant, ingħata rikonoxximent ukoll għall-kompetizzjoni oħra bl-isem ta’ “The Money Challenge”, li saret sabiex tinkoraġġixxi organizzazzjonijiet edukattivi jippromwovu ‘l quddiem temi marbuta ma’ sostenibbiltà, deċiżjonijiet finanzjarji, fost oħrajn.

Ekonomija

Sport