Irġiel jibku, jofolqu u jgħajjtu kemm jifilħu għat-telfiet ta’ għeżież tagħhom, ommijiet jitkarrbu biex ma joqtlulhomx lit-trabi qabel l-eżekuzzjoni, ġuħ, mard u art miksija demm. Dawn huma x-xeni ta’ qsim il-qalb u disperazzjoni li qegħdin joħorġu mis-Sudan, pajjiż Afrikan mifni bi gwerra ċivili. Gwerra serja li sfortunatament, huma ftit in-nies li jafu dwarha u agħar minnhekk, huma ftit il-politiċi li ħarku subgħajhom biex ikun hemm ġustizzja anke għas-Sudan.
Il-komunità internazzjonali spiss titkellem dwar il-gwerer fl-Ukrajna u f’Gaża u sew tagħmel. Imma, ma tistax tinjora l-kriżi umanitarja serja li hemm fis-Sudan. L-istatistiċi huma tal-biża’ – il-popolazzjoni Sudaniża hija l-akbar waħda li ġiet spostata u l-istess fejn jidħlu t-tfal. Skont in-Nazzjonijiet Magħquda; aktar minn 8.6 miljun persuna ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom; 25 miljun huma fi bżonn urġenti ta’ assistenza umanitarja; 18-il miljun huma f’periklu li jmutu bil-ġuħ b’ħames milljun f’livell kritiku; u 3.5 miljun tfal taħt l-età ta’ ħames snin – wieħed minn kull sebgħa – isofri minn malnutrizzjoni severa.
Il-Komunità Internazzjonali, anke dwar dan il-każ, għandha ssemmi leħinha, tieħu azzjoni konkreta u tara li ssir ġustizzja anke mas-Sudan. Hemm bżonn li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ protezzjoni ċivili, investigazzjonijiet leġittimi għal atti kriminali kontra l-umanità, kif ukoll tesegwixxi pressjoni politika għal azzjoni konkreta.
Mhux biss għandna bżonn ta’ taħdit politiċi, iżda wkoll ta’ għarfien universali, impenn uman, kif ukoll li tingħata għajnuna finanzjarja u legali lil dan il-poplu mjassar. Il-ġlieda m’għandhiex tkun biss fuq il-gruppi militari, iżda fuq il-preservazzjoni ta’ ħajja, dinjità u drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Ma nistgħux nibqgħu ċassi quddiem dan il-qtil tal-massa ta’ innoċenti. Hawn ukoll qegħdin nitkellmu dwar qtil bla ħniena ta’ eluf ta’ nisa, tfal, anzjani u rġiel tal-familja li qegħdin iħallsu b’ħajjithom il-prezz qares tar-regħba għall-poter u l-flus. Mela dawn mhumiex nies ukoll? Mhumiex bnedmin tad-demm u l-laħam bil-bżonnijiet u x-xewqat tagħhom? Wieħed ma jistax ma jistaqsix: se nibqgħu sejrin hekk? Se nibqgħu noqtlu lil xulxin? Se nibqgħu nkissru dak li bnejna? Se nibqgħu ngħixu f’theddida kontinwa ta’ eskalazzjonijiet perikolużi? Finalment, se nibqgħu inumani?
Nemmnu li anke fil-każ tal-gwerra ċivili fis-Sudan, hemm bżonn ta’ bidla riġida u urġenti; bżonn ta’ ġustizzja u għarfien reali ta’ x’inhu jiġri f’dan il-pajjiż. Hemm bżonn ukoll ta’ azzjoni immedjata biex ikunu salvati ċ-ċittadini, kif ukoll azzjoni biex ikunu newtralizzati l-gwerrilja. Finalment hemm bżonn li tkun żgurata l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun.
Dan kunflitt għandu għeruq profondi iżda għandu wkoll soluzzjoni li hija kontroll fuq ir-riżorsi, trasparenza u pressjoni globali reali. Il-President tas-super potenza Amerikana Donald Trump, almenu “tefa’” kumment fir-rigward wara laqgħa li kellu mal-Prinċep tas-Sawdi, Mohammed bin Salman. Dan tal-aħħar kellmu dwar is-sitwazzjoni kritika fis-Sudan u Trump min-naħa tiegħu qal lill-ġurnalisti li, “diġà bdejna naħdmu fuqha”.
Hawn nittamaw li verament jiċċaqilqu l-affarijiet u mhux isir biss kliem friegħa ħalli nidhru sbieħ u mbagħad jintnesa kollox. Nittamaw li verament isir intervent u dan mhux biss mill-Istati Uniti imma mill-pajjiżi kollha li għandhom is-saħħa u kuxjenza.
Il-qtil ta’ dawn l-eluf ta’ nies ċivili fis-Sudan, il-massakri f’kampijiet ta’ sfollati u t-traġedja tat-tfal huma xejn inqas minn katastrofi morali. Hemm bżonn li l-qtil tas-Sudaniżi jiġi fi tmiemu llum qabel għada. Infakkru li l-gwerer, kemm jekk huma fl-Ukrajna, f’Gaża, fis-Sudan jew f’xi rokna oħra fid-dinja, iwasslu biss għall-qirda, qirda li tħammrilna wiċċna bħala umanità.

