Sunday, December 29, 2024

Katavri ta’ suldati Russi abbandunati qrib Kyiv

Aqra wkoll

Ġimgħat wara li l-armata Russa falliet milli tirbaħ u tieħu taħt idejha lil Kyiv (il-kapitali tal-Ukrajna), għadhom qed jinstabu iġsma ta’ suldati Russi abbandunati madwar l-irħula li l-armata Russa għaddiet minnhom jew okkupat qrib il-kapitali Kyiv. Wara dawn is-sejbiet, l-Ukrajna stqarret li r-Russja ftit li xejn qed turi interess li tieħu lura katavri ta’ suldati tagħha stess.

Katavru ta’ suldat tneħħa minn fejn kien midfun f’bosk u ttieħed għal ferrovija refriġerata fil-periferija ta’ Kyiv li bħalissa qed topera bħala kamra mortwarja mobbli għas-suldati Russi li nqatlu waqt il-gwerra.

Il-katavri qed jitpoġġew f’boroż bojod tal-plastik u huma mmarkati b’numri aktar milli bl-ismijiet. Esperti forensiċi Ukreni qed jippruvaw jidentifikaw il-katavri li 137 minnhom qed jokkupaw żewġ vaguni tal-ferrovija.

Fuq katavru minnhom, it-tim tal-forensika sab żewġ karti ta’ kreditu kif ukoll midalji tal-brigata Russa, inkluż biċċiet ta’ T-shirt stampat bil-logo tal-Armata tar-Russja. Minn dawn id-dokumenti ġie kkonfermat li dan is-suldat żagħżugħ huwa mis-Siberja u kien miżżewweġ.

Għall-Ukreni, l-għajta tar-Russi li “Aħna ma nabbandunawx lin-nies tagħna” hija biss parti mis-suppost ġustifikazzjoni tal-President Russu Vladimir Putin għall-invażjoni tal-Ukrajna, fejn sostna b’mod li dawk li jitkellmu bir-Russu kellhom bżonn protezzjoni. Uffiċjal militari Ukren stqarr ma’ BBC li din il-wegħda tidher li ma tapplikax daqshekk għas-suldati tar-Russja stess.

“Il-katavri li sibna juru li dawn jittrattaw lin-nies bħala żibel, bħala għalf tal-kanuni,” qal il-Kurunel Volodymyr Liamzin. “Jidher li r-Russi m’għandhomx bżonn il-katavri tas-suldati tagħhom u qabel jirtiraw jarmuhom u jħallu l-iġsma mejtin warajhom.”

F’din il-gwerra l-ebda naħa tal-konflitt mhi qed tgħid eżatt in-numru ta’ vittmi,tant li diversi familji Ukreni qalu li l-gvern tagħhom stess ma kienx ta’ għajnuna biex jirkupraw il-fdalijiet tas-suldati qrabthom mill-kamp tal-battalja.

Mara li ġiet infurmata bil-mewt ta’ żewġha qalet li kienet ilha kważi tliet xhur tipprova tirkupra l-katavru tiegħu.

Wieħed anzjan spjega lill-BBC li f’Marzu li għadda fi Triq Zavalivka f’Sytnyaky mill-inqas 10 suldati Russi nqatlu u tħallew abbandunati mal-art. Dan wara li truppa armata Russa ġiet attakkata għal għarrieda wara li tilfu triqthom billi n-nies tal-lokal kienu neħħew jew bidlu s-sinjali tat-traffiku.

Sadanittant, fuljetti li qed jinxterdu f’diversi nħawi juru l-fdalijiet tas-suldati Russi filwaqt li jappellaw lill-militar Russu biex iċedu l-armi, jsalvaw ħajjithom u ma jkomplux ixerrdu d-demm ta’ tfal u nies ċivili Ukreni.

Ekonomija

Sport