Kate, it-tifla li ġibdet is-simpanija ta’ bosta u li bħalissa tinsab fil-Polonja fejn għaddiet minn operazzjoni maġġuri, fl-aħħar minuti ħabbret li kienet se toħroġ mill-Isptar.
Fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, ‘Kate: Writing My Story’, kitbet li għandha aħbar tajba: “Kelli riżultati tajbin… se noħroġ mill-isptar, iżda se nkun qiegħda ngħix f’appartament fil-Polonja stess minħabba li xorta għandi bżonn aktar kura”.
Hi spjegat li t-tobba se jkunu qegħdin iżuruha kuljum biex jaraw jekk hux qed tirrispondi tajjeb għal-kura, apparti li se tkun qiegħda tagħmel it-terapija. Sadanittant, il-ġenituri tagħha flimkien mal-istaff mediku qegħdin jippreparaw l-appartament fejn se tkun qiegħda tgħix, fosthom li jkollha magna tal-ossiġnu.
Kate temmet il-messaġġ tagħha billi rringrazzjat lil dawk kollha li talbu u qegħdin jitolbu għaliha.