Raġel ta’ 58 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li uża profili foloż fuq Facebook biex iħajjar subien jibagħtulu ritratti tagħhom għarwiena.
Allegatament, il-katekist u li jaħdem bħala tekniku fl-laboratorju ikkuntattja madwar 80 tifel billi għamel użu minn profili foloz fuq il-midja soċjali. Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li hu kkonvinċa tmienja minnhom biex jibagħtulu ritratti għarwenin.
L-imputat jinsab mixli li abbuża minn tifel ta’ 13-il sena meta kien talbu favuri sesswali u u ssottomettieh għal atti sesswali. Hu jinsab ukoll akkużat li kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal.
Quddiem il-Qorti hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Il-Maġistrat Nadia-Helena Vella semgħet kif l-akkużat kien jinħeba wara l-ismijiet “Tanya Borg” u “Kevin Kevinu”. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ wara li ġentirui ta’ tifel ta’ 13-il sena kien qiegħed jiċċettja ma’ xi ħadd bl-isem ta’ “Tanya Borg”.
Allegatament, din il-persuna kkonvinċiet lit-tifel jibgħat ritratt tiegħu għarwien u jagħmel atti indiċenti. Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel irnexxielu jikseb informazzjoni dwar it-tifel ta’ 13-il sena fosthom anke fejn jgħix u fejn imur skola. Allegatament l-imputat qal lit-tifel biex jiltaqgħu. Il-Pulizija rnexxielha taqbad lill-imputat permezz tal-IP address tal-profili foloz li kien qiegħed juża.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-imputat kellu żewġ profili foloz, iżda l-investigazzjoni għadha għaddejja minħabba li jista’ jkun li hemm aktar profili foloz.
Filwaqt li l-Qorti laqgħet it-talba biex isem il-vittma ma jiġix ippubblikat, ordnat li l-ismijiet tal-profili foloz li għamel użu minnhom l-akkużat jiġu ppubblikati.
L-avukata Julia Micallef Stafrace li mexxiet id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u għax l-investigazzjoni għadha għaddejja.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti ordnat biex l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat u anke ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-ġenituri tiegħu. Il-Qorti rrakkomandat lit-tmexxija tal-ħabs sabiex l-akużat jingħata l-għajnuna medika li għandu bżonn.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Cynthia Tomasiolo u Krstina Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Marshall Mallia u Wayne Buhagiar.