Friday, June 13, 2025

Kathryn Oldfield … Kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-Netball

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn in-netball?

In-netball huwa sport popolari ħafna fir-Renju Unit b’aktar minn 315,000 mara jipparteċipaw fih regolarment. Huwa wkoll sport li jintlagħab ħafna fl-iskejjel primarji u sekondarji tagħna. Għalhekk bdejt nilgħab in-netball fl-iskola primarja u meta kont żagħżugħa ngħaqadt ma’ klabb tan-nisa.

Imxejt ‘il quddiem permezz tan-netball rappreżentattiv fl-università tiegħi fejn lgħabt għall-ewwel tim. Wara li tlaqt mill-università mxejt ‘il quddiem permezz ta’ kampjonati għall-adulti u żviluppajt aktar l-imħabba tiegħi għal-logħba. Sfortunatament diversi injuries serji ġiegħluni mmur għall-kowċing u l-umpiring, madankollu l-gost tiegħi li nipparteċipa fl-isport b’mod aktar wiesa’ ma ġiex imrażżan mill-fatt li ma nistax nilgħab aktar.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek s’issa bħala Kowċ tat-Tim Nazzjonali Malti tan-Netball.

L-esperjenza tiegħi mat-tim s’issa kienet estremament pożittiva. Naħdem b’mod kollaborattiv mal-istrutturi tan-netball f’Malta u qed nieħu gost ħafna nuża l-għarfien tiegħi kemm tal-kowċing kif ukoll tal-umpiring biex niżviluppa l-logħba b’mod aktar olistiku.

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-Assistenta tiegħek, Nadya Turban?

Matul it-tħejjijiet tagħna għall-kompetizzjonijiet, jien u Nadya naħdmu mill-qrib ħafna. Hija kowċ assistent eċċellenti u huwa ta’ benefiċċju kbir li naħdem ma’ xi ħadd li dan l-aħħar kien parti mill-grupp tal-logħob. Hija l-‘link’ ewlieni tiegħi f’Malta, it-traduttriċi tiegħi u ċ-‘chief camera woman’! Ftit huma l-affarijiet li ma tistax tagħmel!

Xi tgħidli dwar l-aħħar kompetizzjonijiet li ħadet sehem fihom Malta?

Riċentement, Malta kkompetiet kontra diversi pajjiżi Ewropej oħra u ħarġet b’riżultati sodisfaċenti ħafna. L-ewwel logħba tagħna kienet kontra Franza, li kienu kklassifikati disa’ postijiet ‘il fuq minna. Wara l-ewwel ħames minuti kemmxejn diffiċli, ħadna l-kontroll tal-logħba u wara li ksibna vantaġġ, komplejna nkabbruh matul il-logħba u spiċċajna b’rebħa komda.

Il-logħba sussegwenti tagħna kienet kontra Isle of Man, li huma kklassifikati tajjeb ħafna, iżda sfortunatament din irriżulta f’telfa, iżda ħarġet miri ċari għall-bqija tal-ġimgħa. Il-logħba ta’ wara kienet kontra l-Iżvizzera, li konna għelibna darbtejn is-sena l-oħra. Kellhom xi plejers ġodda u setgħu jagħtuna sfida denja, iżda t-tfajliet Maltin ħadmu tajjeb f’kombinazzjonijiet differenti biex finalment ħarġu rebbieħa. L-aħħar logħba tagħna kienet kontra Ġibiltà.

Is-sena l-oħra żammejna qrib tagħhom fejn tlifna b’għaxar gowls u konna determinati li ntejbu dik il-prestazzjoni din is-sena. Ksibna l-għan tagħna u naqqasna d-distakk fl-aħħar kwart għal marġni ta’ tmien gowls. Dan kien riżultat rispettabbli ħafna kontra pajjiż ikklassifikat fl-20 post u fuqhom globalment. Ir-rebħ ta’ tnejn minn erba’ logħbiet ippermetta lill-klassifika (‘ranking’) tat-tim Malti titla’ għat-38 post fid-dinja u jien kif ukoll it-tim tekniku estiż u l-grupp tal-plejers aħna kuntenti ħafna b’dan it-titjib.

X’inhuma l-kompetizzjonijiet li jmiss li se tlun qed tieħu sehem fihom Malta?

Bħalissa, m’għandniex kompetizzjonijiet ġejjin.

Kif tqis il-livell tan-netball f’pajjiżna fil-preżent ukif rajtu jinbidel tul l-aħħar senetjn li ilek kowċ tat-tim nazzjonali Malti?

F’dawn l-aħħar sentejn rajt l-istandard tan-netball fil-livell tal-kbar f’Malta javvanza bil-kbir f’termini tat-tim nazzjonali u t-timijiet domestiċi. Barra minn hekk, il-professjonaliżmu tal-atleti u l-abbiltà li jintlaħqu l-aspettattivi ta’ programm ta’ prestazzjoni elite tjiebu b’mod sinjifikanti. L-atleti li naħdem magħhom jistgħu jirritornaw fl-ambjenti tal-klabb tagħhom u jaqsmu t-tagħlim tagħhom li bbenefika biss l-istandards ġenerali fil-pajjiż.

Il-prestazzjonijiet tat-tim nazzjonali fil-court tjiebu ħafna f’dawn l-aħħar snin, u dan jidher fit-titjib tal-klassifika dinjija tagħna mis-46 post meta ħadt l-ewwel darba t-tmun tat-tim għat-38 post issa.

U xi ngħidu dwar ir-riżorsi (il-courts) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?

Ma naħsibx li huwa xieraq għalija li nikkummenta dwar ir-riżorsi u l-faċilitajiet.

Kif qed tara l-futur tiegħek fin-netball?

Nittama li fil-futur inkun nista’ nassigura rwol full-time fin-netball u naspira li xi darba jkolli pożizzjoni ta’ kowċing f’waħda mill-‘franchises’ fis-Superleague tar-Renju Unit.

Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fin-netball.

Lil dawk in-nies li jixtiequ jkollhom karriera ta’ suċċess fin-netball, żommu f’moħħkom li se jkollkom bżonn tagħmlu sagrifiċċji personali, taħdmu iebes u tegħlbu d-diffikultajiet. Kunu lesti li tipparteċipaw f’CPD online u nagħtikom parir biex taraw kemm jista’ jkun logħbiet tan-netball elite jew internazzjonali!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport