Katryna Esposito dan l-aħħar kisbet il-Master of Science In Applied Sport and Exercise Science, mill-Università ta’ Staffordshire, li sar possibbli permezz tal-appoġġ finanzjarju tal-Malta Sports Scholarship Scheme, ipprovduta mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tagħti il-possibilita lill-individwi fil-qasam tal-isport billi tippermettilhom isegwu miri edukattivi avvanzati u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-isport f’Malta.
Tul l-istudji tagħha, Katryna ibbilanċjat b’ħila kemm ix-xogħol akkademiku tagħha kif ukoll it-taħriġ fil-Judo, wara l-Midas tad-deheb miksuba fil-Commonwealth Judo Championships f’April, dawn laħqu l-qofol tagħhom f’żewġ kisbiet ewlenin matul is-sajf tal-2024: il-kwalifikazjoni għall-Olimpjadi ta’ Pariġi 2024 u l-kisba tal-Masters of Science.
It-teżi tagħha ffukat fuq il-percezjoni ta’ Judokas Elite fuq l-effetti taċ-ċiklu mestrwali u l-influwenza tiegħu fuq il-prestazzjoni taghhom matul ċiklu Olimpiku. Is-sejbiet tal-istudju diġà qanqlu diskussjonijiet mal-Kumitat Olimpiku Malti biex jiġu implimentati programmi edukattivi mmirati biex isaħħu l-għarfien dwar dan l-aspett kritiku fost l-atleti nisa f’Malta.