Waqt diskors li għamlet fl-aġġornament tal-Parlament it-Tnejn li għadda, id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar waqqgħet għalkollox il-maskra tal-eks President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina, li fl-aħħar jiem sar magħruf li qiegħed jiġi investigat dwar allegat każ ta’ vjolenza domestika.
Fid-diskors tagħha, Cutajar saħqet li dan il-każ, li qanqal sentimenti qawwija ħafna u kienu fil-fatt bosta dawk li lissnu reazzjoni qawwija dwar dan, “jesponi d-double standards kif ukoll l-ipokrezija ta’ Robert Aquilina.”
L-istess Aquilina li l-Ħadd li għadda rriżenja mill-għaqda Repubblika u minn President Onorarju tal-istess għaqda filwaqt li ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina, talab biex tiġi rispettata l-privatezza tal-familja tiegħu.
Cutajar qalet li l-vjolenza hi ħażina, ġejja minn fejn ġejja, jagħmilha min jagħmilha. “Il-vjolenza fiżika kif ukoll dik psikoloġika mhix aċċettabbli. Il-liġi għandha tapplika għal kulħadd l-istess, kemm jekk tkun l-eks President tal-għaqda Repubblika kif ukoll jekk m’intix involut fil-ħajja pubblika. Il-liġi trid tapplika b’mod imparzjali, mingħajr biża’ kif ukoll mingħajr preġudizzju.”
Però saħqet li dak li ġara fl-aħħar jiem iwaqqa’ l-maskra ta’ persuna li dejjem proġettat lilha nfisha bħala x-xempju tal-korrettezza, tal-etika u l-paladin tal-ġustizzja f’pajjiżna. “Il-verità tilħaq lil kulħadd u l-maskra xi darba jew oħra taqa’ u dak li tixtieq fuq ħaddieħor jispiċċa biex eventwalment jiġi fi ħdanek,” qalet Cutajar.
Hija kompliet tgħid li dak li llum qed jappellalna għall-privatezza huwa l-istess wieħed li għal snin sħaħ umilja lin-nies pubblikament mingħajr rispett lejhom u lejn il-familji tagħhom.
Staqsiet fejn kien Robert Aquilina meta hi waqt li kienet tqila, kienet qiegħda tiġi persegwitata lejl u nhar. Qalet li Aquilina la kien uman u lanqas wera empatija. Tgħid li l-konferenzi stampi li kien jagħmel ma sarux biex jinfurmaw iżda biex jumiljaw.
“Ma kienx biżżejjed li rriżenjajt minn Segretarju Parlamentari. Riedu jikkaġunaw l-akbar dannu personali possibbli,” qalet Cutajar.
Tkellmet ukoll dwar il-leaks u nnotat kif l-istess Aquilina ġie msejjaħ mill-FCID sabiex jixhed dwar il-leaks mill-inkjesta tal-Pilatus. Apparti dan, qalet li kien hemm sensiela ta’ leaks oħra fosthom matul l-inkjesta Vitals. “Kellna t-tħabbira ta’ tmiem ta’ inkjesta permezz ta’ leak u l-istess rapport tal-inkjesta li ġie leaked. Il-famuża leak ta’ meta l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kienet se ssirlu tfittxija fid-dar tiegħu u għaġeb tal-għeġubijiet kien hemm Robert Aquilina qed jistenna quddiem l-bieb tad-dar ta’ Joseph Muscat. Meta l-leaks ma jirrigwardjawx lilu, il-leaks ikunu tajbin,” hija żiedet tgħid.
Hija staqsiet ukoll kif il-Maġistrat Kevan Azzopardi m’ordnax l-arrest ta’ Aquilina meta l-vittma kienet meqjusa fi stat perikoluż ħafna. “Għaliex ma kienx hemm arrest? Kieku ma kienx Robert Aquilina imma kien raġel ieħor li forsi ma jafu ħadd kien jiġi arrestat? Mid-dehra f’dan il-pajjiż għandna l-untouchables,” qalet Cutajar.
Innotat ukoll kif dawk li s-soltu jkunu pronti sabiex jikkundannaw lil ħaddieħor, din id-darba tqanżħu biex forsi kitbu xi ħaġa u agħar minn hekk kien hemm min qas kiteb xejn, fosthom l-Għaqda Repubblika.
“Robert Aquilina qiegħed jitlobna biex il-privatezza tiegħu tkun rispettata. Kważi kważi jridna nitħassruh. Qisu hu l-vittma. Komuni ħafna f’każijiet bħal dawn. Il-vera vittma hi l-mara ta’ Aquilina.
“Irrid nappella, għaliex naf li hawn diversi nisa u rġiel fis-skiet ta’ darhom li għaddejjin minn xi tip ta’ sitwazzjoni ta’ vjolenza, kemm fiżika jew psikoloġika biex jagħmlu kuraġġ, jersqu l quddiem, biex jafdaw l-awtoritajiet tagħna u jirrapportaw.
“Jiena persuna li ma nixtieq deni lil ħadd. Ma nixtieq qatt li dak li sar fuqi, jiġri lil ħaddieħor imma nirrifjuta li nibqa’ kwieta meta l-istess mekkaniżmi li ntużaw kontrija u kontra oħrajn jibdew jissejħu krudili għaliex jekk huma krudili issa kienu krudili dejjem. Kienu krudili fil-konfront tiegħi, kienu krudili fil-konfront ta’ sħabi. Għandna bżonn kultura ġdida, mibnija mhux fuq l-ispettaklu u t-tgħajjir iżda fuq id-dinjità, ir-rispett u l-ġustizzja,” temmet tgħid id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar.