Wednesday, October 30, 2024

“Każ li jurina li tagħmel kemm tagħmel fuq vjolenza domestika qatt mhu biżżejjed”

il-Ministru Byron Camilleri jitkellem dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi l-Ugwaljanza Byron Camilleri sostna li l-każ dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar juri illi fuq vjolenza domestika, tagħmel kemm tagħmel qatt mhu biżżejjed.

“Jeħtieġ naħdmu aktar biex kemm jista’ jkun każijiet bħal dawn, innaqqsuhom kemm jista’ jkun. Idealment naslu f’sitwazzjoni fejn tkun qridthom għalkollox però r-realtà kulħadd jaf x’inhi f’kull soċjetà.

“Iżda rridu naħdmu aktar biex aktar persuni jirċievu l-għajnuna li jkun hemm bżonn fil-ħin opportun, kemm il-vittmi u min potenzjalment se joħloq vittma,” qal il-Ministru Camilleri waqt id-diskussjoni parlamentari tal-estimi finanzjarji tal-budget 2023 tal-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli.

Huwa qal li t-Tlieta nqatlet omm, persuna li mingħalija se tmur tibda l-ġurnata iżda minflok inqatlet bl-aktar mod kiefer u brutali. “Xejn li nistgħu ngħidu llum jew nagħmlu ma jista’ jsabbar lill-membri tal-familja tagħha. It-Tlieta stess tkellimt ma’ membru tal-familja ta’ din il-vittma. Mhemmx kliem biex tiddeskrivi d-dulur li għaddejjin minnu dawn il-persuni. Dak id-dulur ma kienx biss minħabba l-mewt, qtil, imma wkoll minħabba kif kompla jiżvolġi l-każ.”

Il-Ministru Camilleri semma wkoll kif flimkien mal-Ministru tal-Ġustizzja ħatru inkjesta ministerjali mmexxija mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia li trid timxi pass pass ma’ dan il-każ biex eventwalment abbażi tagħha, jekk ikun indikat hekk, jittieħdu deċiżjonijiet meħtieġa.

Huwa għamel referenza wkoll għat-twaqqif tat-Taqsima kontra l-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Qal li minn meta twaqqfet din it-Taqsima, żdiedu b’mod konsiderevoli n-numru ta’ rapporti dwar vjolenza domestika.
“Fl-ewwel sena kien hemm żieda ta’ 25%, fit-tieni sena kien hemm żieda ta’ madwar 6% u din is-sena biss sal-aħħar ta’ Ottubru, in-numru ta’ rapporti huwa aktar minn sena sħiħa fl-2020,” qal il-Ministru Camilleri.

“Xogħolna bħala gvern u leġiżlaturi huwa li nagħmlu aktar. Irridu naraw kemm jista’ jkun insaħħu l-ġlieda tagħna kontra l-vjolenza domestika,” temm jgħid il-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.

Sport