Sunday, January 4, 2026

Każ magħluq … l-avukati ta’ Jeremy Harbinson ma jridux jgħidu fejn jinsab

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Ingliżi reġgħu informaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’Malta li għalihom il-kwistjoni tax-xhieda tal-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson, fil-proċeduri li għaddejin fil-Qorti, huwa każ magħluq.

F’imejl datata 18 ta’ Diċembru mibgħuta lill-avukat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Sean Scerri de Caro, l-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi qalu li huma avviċinaw lill-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq wara talba li saret lilhom fil-11 ta’ Novembru biex Jeremy Harbinson jixhed bil-video link minn Qorti fir-Renju Unit. 

 L-avukati ta’ Harbinson informawhom li l-espert ma jinsabx fl-Irlanda ta’ Fuq u mhux se jirritorna għal ħafna żmien.  Dan wara li kien qal lill-Qorti Maltija li ma jistax jiċċaqlaq mil-Irlanda ta’ Fuq minħabba li martu marida.

 Wara li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’Malta reġa’ talab għall-għajnuna, l-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi ma kellhom xejn x’iżidu u qalu li l-iktar li jistgħu joffru huwa li jekk l-Avukat Ġeneral ta’ Malta tkun taf li Harbinson ikun fir-Renju Unit u tkun taf fejn jinsab, huma jerġgħu jipprovaw jkellmuh.  Dan bil-għan li l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals jixhed bil-video link, xi ħaġa li rrifjuta li jagħmel tul is-sena li għaddiet kollha minkejja l-ordnijiet tal-Qorti Maltija.

 F’seduta fid-19 ta’ Novembru, il-Qorti kienet informata għall-ewwel darba li Harbinson kien qed jirrifjuta li jixhed bil-video link minn Qorti fir-Renju Unit waqt li l-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq kienet qed tqis il-każ magħluq. Harbinson kien talab lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’Malta sabiex jagħmel riferenza għal affidavit li huwa ippreżenta lill-Qorti Maltija fl-10 ta’ Frar tas-sena l-oħra. 

 F’dan l-affidavit kien iddikjara li mhu se jiġi qatt lura lejn Malta, li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejin fil-Qorti Maltija u li m’għandu x’jaqsam xejn mal-akkużi kriminali u l-freezing orders li inħarġu wara l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.

 Kien Harbinson innifsu, li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali stess kien iddeskriva bħala xhud indispensabli, jiġifieri li x-xhieda tiegħu hija assolutament neċessarja, li fi tmiem l-2024 permezz tal-avukat Peter Fenech, magħruf għal kemm huwa qrib tal-PN, ressaq talba sabiex minflok jiġi Malta, jixhed permezz tal-video link. U dan għax skont Harbinson, martu kienet marida u ried ikun il-ħin kollha magħha. 

 Xahrejn biss wara iżda, fl-10 ta’ Frar tas-sena li għaddiet, Harbinson ippreżenta l-affidavit fejn iddikjara li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri legali li għaddejin f’Malta. B’hekk l-2025 għalqet kif bdiet b’Harbinson jibqa’ jinjora kull talba li saritlu mill-Qorti biex kif inhu d-dover tiegħu jixhed dwar ir-rapport tal-injkesta li tagħha huwa kien l-espert ewlieni. 

 Fit-3 ta’ Diċembru l-Maġistrat Lara Lanfranco qalet li r-raġunijiet li qiegħed isemmi Harbinson sabiex ma jixhidx, inkluż dik li qed jibża’ mis-sigurtà tiegħu jekk jiġi Malta, huma infondati u ma jiġġustifikawx id-deċiżjoni tiegħu li ma jixhidx. Ġimgħa wara informat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li bħala l-prosekutur għandu d-dover li jibda jaħseb x’se jagħmel la darba Harbinson qed jibqa’ jirrifjuta li jixhed.

 Għar-rapport tal-inkjesta li kienet ordnata mill-Maġistrat Vella, Harbinson tħallas €11-il miljun. L-inkjesta damet għaddejja ħames snin u kienet ippubblikata fil-bidu ta’ Mejju tal-2024. Iktar tard fl-istess xahar meta kien fadal biss ftit jiem għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, numru kbir ta’ persuni fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tressqu l-Qorti fejn qed jiffaċċjaw sensiela twila ta’ akkużi mill-iktar serji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport