Friday, December 20, 2024

Każ minn kull 9 spezzjonijiet mill-OHSA jitqiesu li jistgħu jikkawżaw ħsara serja jew mewt

Aqra wkoll

Matul dawn l-aħħar sentejn saru 9,106 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol minn uffiċċjali tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dawn kienu jvarjaw minn intrapriżi micro sa dawk kbar fis-settur tal-manifattura, kostruzzjoni kif ukoll tas-servizzi fost oħrajn. Matul l-ispezzjonijiet, l-uffiċċjali jħarsu lejn numru ta’ affarijiet fl-attività tax-xogħol li tkun qed issir u jieħdu azzjoni skont il-livell tar-riskji li jkun hemm. 

F’sitwazzjonijiet fejn il-periklu huwa sinifikanti iżda mhux għoli, jinħarġu ‘improvement notices’, li jagħtu struzzjonijiet lil min iħaddem biex jirrimedja s-sitwazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. 

Bejn Jannar 2020 u Diċembru 2021, inħarġu 3,045 avviżi ta’ titjib li jammontaw għal kważi terz tal-postijiet tax-xogħol li ġew spezzjonati. 

F’1,025 post tax-xogħol li ġew spezzjonati, il-perikli preżenti tqiesu serji biżżejjed li setgħu potenzjalment jikkawżaw mewt jew ħsara fiżika serja. F’dawn il-każijiet, l-uffiċjali tal-OHS ħarġu ordnijiet biex l-attivitajiet tax-xogħol jieqfu immedjatament sakemm is-sitwazzjoni tiġt rimedjata. Dawn il-każijiet ikomplu jiġu segwiti biex jiġi żgurat li l-postijiet tax-xogħol isiru konformi. F’dawn il-każijiet kollha, jinħarġu multi amministrattivi jew jinbdew proċeduri ġudizzjarji ladarba l-investigazzjonijiet tal-OHSA jiġu finalizzati. 

Matul l-istess perjodu ta’ żmien, 1,152 entità u individwu nħarġulhom multi amministrattivi għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol imwettaq matul ix-xhur preċedenti. L-aktar nuqqasijiet komuni kienu n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet biex jipprevjenu waqgħat mill-għoli, project supervisors tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jaderixxux mal-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni tal-OHS u l-klijenti tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-project supervisors

Matul l-istess perjodu ta’ żmien, l-OHSA vverifikat ukoll 8,906 rapport ta’ eżaminazzjoni ta’ tagħmir u 3,873 formola ta’ notifika ta’ kostruzzjoni, fost oħrajn. 

Ekonomija

Sport