Monday, December 23, 2024

Każ wieħed ġdid … L-isbaħ rigal huwa li nipproteġu l-ommijiet tagħna mill-pandemija

Aqra wkoll

Il-Professur Charmaine Gauci bdiet il-konferenza ta’ kuljum bl-aħħar żviluppi billi ħabbret li tmien persuni oħra fiequ mill-Covid-19. Dawn kienu erbgħa bejn l-20 u t-30 sena, tlieta bejn t-30 u l-40 sena u persuna waħda bejn l-50 u s-60 sena.

Hija kompliet tgħid li lbieraħ saru 1,006 swab tests li minnhom kien hemm każ wieħed li ħareġ pożittiv. Hija spjegat li b’hekk il-każijiet attivi issa niżlu għal 58 każ.

Il-każ ġdid huwa Spanjol ta’ 34 sena li bħalissa kien qed jaħdem bit-telework. Huwa beda bis-sintomi jumejn ilu u kellu kuntatt ma’ persuna oħra li tgħix miegħu. Din il-persuna wriet xi sintomi u għalhekk qed isirulha t-testijiet neċessarji.

Gauci qalet li importanti li nkomplu nimxu b’kawtela biex inkunu żgur li l-miżuri li jibdew jiġu rilaxxati jiġu deċiżi b’għaqal. Spjegat li l-maskra trid tintlibes sew. Biex dan iseħħ, il-maskra trid tgħatti l-imnieħer u ma jridx ikun hemm kuntatt bla bżonn.

Rigward Jum l-Omm, Gauci qalet li dan il-jum se jkun differenti għal ħafna ommijiet li jinsabu fid-djar tal-anzjani jew fid-djar tagħhom iżda ma jistgħux ikunu qrib uliedhom. Spjegat li l-aqwa rigal li nistgħu nagħtuhom huwa li nipproteġuhom b’saħħithom u appellat biex ma noqogħdux qrib b’kuntatt fiżiku li jpoġġihom f’riskju.

Ekonomija

Sport