Saturday, December 28, 2024

Każijiet fejn adoloxxenti jitilfu ġenitur u jaffaċċjaw bullying online rigward il-mewt tiegħu

Is-Cyberbulling jibqa' l-iktar tip ta' abbuż li jseħħ fuq l-internet... l-FSWS tirċievi madwar 60 rapport kull xahar rigward abbuż fuq l-internet

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Bid-dinja teknoloġika kulma jmur tkompli tevolvi, ikomplu joħorġu applikazzjonijiet u sfidi ġodda. Fost dawn l-isfidi ma jonqsux każijiet ta’ bullying online tant li l-Helpine 179 tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tirċievi madwar 60 rapport kull xahar dwar abbuż fuq l-internet.

Is-cyberbulling jibqa’ l-aktar forma ta’ abbuż prevalenti li jseħħ fuq l-internet fost l-adoloxxenti. Ma jonqsux każijiet xokkanti fejn adoloxxenti jispiċċaw fil-mira ta’ dan il-bullying online għax ikun għadu kemm miet missierhom u jkun hemm każijiet li jikkonċernaw il-mard fil-familja fejn jgħidulhom frażijiet bħal ‘jalla ommok issa timrad u jkollha tumur f’rasha’.

Maria Azzopardi tkellmet dwar dan mas-Service Area Leader u koordinatur ta’ BeSmartOnline Deborah Vassallo.

Deborah Vassallo

X’inhuwa l-BeSmartOnline! u x’inhu l-għan tiegħu?

Il-BeSmartOnline! huwa proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u huwa ffurmat minn erba’ membri: Il-Fondazzjoni għal Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), l-Uffiċċju għall-Kummissarju tat-Tfal, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Pulizija ta’ Malta, speċifikament is-CyberCrime Unit.

Il-FSWS tmexxi s-Safer Internet Centre li jinvolvi l-għarfien kollu li jsir fuq l-użu għaqli tat-teknoloġija. Permezz tiegħu jsiru ħafna sessjonijiet fl-iskejjel; ma’ għalliema; ma’ professjonisti oħrajn fil-qasam soċjali; u saħansitra jiġu indirizzati wkoll il-ġenituri peress li għandhom rwol importanti ferm.

Il-Fondazzjoni għandha wkoll il-helpline fejn kulħadd jista’ jċempel jekk it-tfal tagħhom għaddejjin minn cyberbullying jew minn kwalunkwe tip ta’ abbuż ieħor fuq l-internet.

Hemm ukoll iċ-ChildWebAlert Hotline li hija pjattaforma onlajn fejn in-nies jistgħu jirrappurtaw kontenut illegali bħal websites li jinkludu ritratti u vidjows ta’ tfal li qegħdin jiġu abbużati b’mod sesswali.

X’kienet it-tema tas-Safer Internet Day ta’ din is-sena u kemm tibqa’ rilevanti li sena wara sena nibqgħu nfakkru din il-ġurnata?

Din is-sena s-Safer Internet Day ġiet iċċelebrata fis-7 ta’ Frar u t-tema kienet ‘Together for a better internet’. Kulħadd għandu r-responsabiltà biex l-internet ikun aħjar, kemm l-adulti fi kwalunkwe rwol tagħhom; it-tfal, fejn minn età żgħira rridu ngħallmuhom li huma responsabbli għall-kontenut li qed joħolqu jew għal ċertu kummenti li qed jiktbu; u anke l-policy makers.

Importanti li nfakkru din il-ġurnata kull sena iżda daqstant importanti li l-għarfien dwar l-internet u l-użu għaqli tiegħu jkun wieħed kontinwu matul is-sena. Dan minħabba l-fatt li t-teknoloġija tevolvi malajr u minn żmien għal żmien jinħolqu sitwazzjonijiet ġodda li niltaqgħu magħhom.

Tista’ taqsam magħna esperjenzi veri li ltqajtu magħhom ta’ abbuż fuq l-Internet jew rapporti li rċevejtu? Liema huma l-aktar rapporti li rċevejtu f’dawn l-aħħar ħames snin?

Is-cyberbullying huwa l-iktar tip ta’ abbuż prevalenti. Fis-cyberbullying qatt m’għandek sitwazzjoni fejn it-tfal ma jkunux jafu l-persuna li qed twettaq l-bullying fuqhom. Kważi dejjem għandek sitwazzjoni fejn it-tifel jew it-tifla kienu diġà qed jiġu bullied l-iskola jew f’xi youth centre, imbagħad is-sitwazzjoni eskalat fuq l-internet, minkejja li ġieli jkollok każijiet fejn bdiet online u baqgħet online.
Is-cyberbulling ħafna drabi jkun ‘targeted’, jiġifieri lit-tifel jew tifla jkunu qed jagħmlulhom hekk bi skop, sew jekk ikunx biex iweġġgħuh, jew forsi jkunu ġejjin l-eżamijiet u dak li jkun ma jkunx irid li t-tifel jew tifla tgħaddi minnhom u għalhekk jagħmlulhom ħajjithom diffiċli.

Kellna każijiet fejn kien għad kemm mitilhom missierhom u beda jsir bullying rigward il-mewt tiegħu. Ikun hemm każijiet li jikkonċernaw il-mard tal-familja fejn jgħidulhom frażijiet bħal ‘jalla ommok issa timrad u jkollha tumur f’rasha’. F’dawn il-każijiet dejjem qed nitkellmu dwar adoloxxenti u meta nosservaw il-mottiv wara l-abbuż fuq l-internet naraw ħafna l-element ta’ kontroll u kattiverja.

Kellna każ fejn adoloxxenti għamlet vidjow fuq TikTok u kienet vera kuntenta li dan sar popolari. Fl-istess waqt kien hemm min qabad ir-ritratti li kellha fuq Instagram, fejn forsi kien hemm uħud minnhom li ma juruhix fl-aqwa forma, u ħolqu dan il-profil bl-isem ta’ ‘Ugly Peeps’ u defsu r-ritratti tagħha hemmhekk. Sfortunatament dan il-profil mar viral ukoll u kulħadd beda jgħajjarha b’kull rokna ta’ ġisimha.

Wara s-cyberbullying naraw ukoll abbuż li jikkonċerna t-tixrid ta’ ritratti indiċenti. Hawnhekk għandek l-aspett legali għax jekk ikollhom minn 14-il sena ‘l fuq jistgħu jitressqu l-qorti anke jekk huma jkunu produċew materjal indiċenti tat-tfal.
F’Malta jkollna wkoll każijiet ta’ grooming anke f’pożizzjonijiet ta’ ċertu kontroll.

Jista’ jkun ma tantx nisimgħu b’dan it-tip ta’ abbuż għax ma tantx ikun hemm min jirrapporta. Meta tara ċ-chats f’każijiet bħal dawn ġieli tinnota li jkun hemm frażijiet bħal ‘dan huwa s-sigriet bejnietna’ u għalhekk it-tifel, li huwa vulnerabbli, isibha diffiċli ferm biex jirrapporta.

Liema hija l-aktar faxxa ta’ età li sfortunatament l-aktar li tispiċċa vittma ta’ abbuż fuq l-internet u x’impatt iħalli fuq il-vittma dan it-tip ta’ abbuż?

L-aktar li jispiċċaw vittmi huma l-adoloxxenti minkejja li qed naraw li l-età qed tinżel u dan anke minħabba l-fatt li t-tfal qed jibdew minn età żgħira jużaw l-internet. Qed ikollna tfal ta’ seba u tmien snin li diġà għandhom account fuq SnapChat jew Tiktok.

Ġieli nirċievu rapporti ta’ tfal li għandhom tmien snin li jispiċċaw vittma u ġieli huma stess ikunu l-perċimess tal-klassi. Kellna sitwazzjoni fejn tifel tas-Sitt Sena beda kontinwament jitkellem b’mod sesswali fil-klassi fejn saħansitra beda jsemmi stupru ta’ bniet. Imbagħad irrealizzajna li kien qed iqatta’ ħafna ħin waħdu u kien qed jara dak li jissejjaħ Manga u Anime, cartoons Ġappuniżi, li kienu immirati għall-adulti u skoprejna li kien qed iġib l-ideat minn hemm.

Dwar x’effett iħalli fuq il-vittma l-abbuż fuq l-internet, l-impatt ivarja skont il-każ. L-abbuż fih innifsu joħloq ċertu tip ta’ anzjetà fuq il-vittma. Dan jiddependi ħafna mill-perjodu li tkun għaddejja l-vittma. Jista’ jagħti l-każ li xi ħadd illum jgħidlek ‘kemm inti kerha’ u ma tantx tajt wisq każ dwarha, imma jekk se tibqa’ tgħidili diversi drabi jista’ jagħti l-każ li eventwalment nibda nemminha dik il-frażi jew f’dak il-perjodu li tintqal inkun għaddejja minn perjodu diffiċli u b’hekk se tweġġgħani iktar.

Tajjeb li wieħed jifhem li meta wieħed ipoġġi jew jikteb xi ħaġa online, dak li jkun ikun qed iħalli l-evidenza warajh u din għandha sservi lil kulħadd bħala tagħlima.

X’sapport toffru lil dawn il-vittmi?

Noffru sapport fuq bażi ta’ one-to-one mhux biss online, apparti minn għajnuna teknoloġika anke fejn jidħlu l-pjattaformi. Fil-fatt għandna kważi kuntatt mal-pjattaformi kollha u dan huwa utli speċjalment meta nkunu rridu nwaqqgħu l-kontenut malajr bħal fil-każ meta jkun hemm profil falz maħluq biex jagħmel bullying fuq tfajla u nkunu rridu nwaqqfuh milli jkompli jinxtered.

Ikun hemm każijiet fejn nissuġġerixxu li jsir rapport mal-Pulizija. Dwar dan nista’ nsemmi każ partikolari li seħħ is-sajf li għadda fejn tfajla ma ħarġitx sajf sħiħ. Wara skoprejna li din kienet qed tiġi mhedda li jekk toħroġ barra se jagħtuha xebgħa. Hemmhekk ma tafx min qed jagħmlu t-theddid allura trid bilfors rapport mal-Pulizija għax jekk allaħares din it-tfajla vera toħroġ u jagħtuha xebgħa, se tkun fuq il-kuxjenza tagħna. Għaldaqstant fejn jidħol theddid jew mottivi sesswali, fejn il-minuri se jkunu mhedda biex jibgħatu r-ritratt tagħhom, f’dawk is-sitwazzjonijiet ħafna drabi ndaħħlu lill-pulizija.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq is-sit besmartonline.org.mt u jsegwuna wkoll fuq Facebook, Instagram u Youtube – BeSmartOnline.

Biex tirrapporta materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal idħol fuq childwebalert.gov.mt
F’każ li għaddej minn perjodu diffiċli online, fittex l-għajnuna billi ċċempel 179. Tibqax tbati waħdek – aħna lesti ngħinuk u noffrulek is-sapport li għandek bżonn.
Tista’ taqsam magħna storja ta’ suċċess li kellkom f’dawn l-aħħar snin?

Każ minnhom jikkonċerna tfajla Musulmana ta’ 15-il sena li biex toħroġ barra tilbes il-jihab. Waqt li kienet id-dar tagħha, kienet mingħajr il-jihab u kienet qed tiċċetja ma’ ġuvni. Dan ħa screenshots tagħha u saħansitra beda jheddidha li minħabba li kienet mingħajr jihab huwa kien se jxerred ir-ritratti tagħha fil-komunità Musulmana.

It-tfajla bdiet tibża’ ħafna tkellem lill-ġenituri għaliex missierha huwa membru influwenti fil-komunità Musulmana f’Malta u bdiet tgħid li mhux se jifmhuha, però l-persuna li beda jheddidha kompla jeskala l-affarijiet fejn beda jgħidilha li jekk mhux se tiltaqa’ u jkollha x’taqsam miegħu, dawk ir-ritratti se jxerridhom.

Fil-preżent biex minuri jagħmel rapport lill-Pulizija, irid ikollu adult li jakkumpanjah u għalhekk f’dan il-każ ikkonvinċejna lit-tfajla biex tkellem lil ommha. Xħin rat iċ-chats għamilna rapport lill-Pulizija u lil dan il-persuna stajna nwaqqfuh.

Ekonomija

Sport