Għadd ta’ uffiċjali ta’ każini tal-baned u magħhom għaqdiet taż-żgħażagħ, qegħdin jevalwaw sentenza li ngħatat mill-Qorti u li trattat każ fejn marċ ta’ kompożitur, li kien inxtara minn diversi każini u għaqdiet sarlu l-kliem u tkanta minn persuna terza bla permess tal-kompożitur wassal biex inkisru id-drittijiet tal-istess kompożitur. Din il-prattika hi mifruxa sew ma’ pajjiżna, fosthom anke f’marċijiet bi kliem li jitkantaw fl-istadiums waqt il-logħob tal-futbol.
Il-każ idur mal-marċ popolari tas-surmast Alfred Farrugia, li m’għandu bżonn ebda introduzzjoni. Marċ li tista’ tgħid dar Małta. Ġara iżda li dan il-marċ, sarlu kliem, tkanta u ġie rikordjat b’dan il-mod. Il-kompożitur Farrugia kif sar konxju ta’ dan u għamel ir-riċerka tiegħu, fetaħ proċeduri legali u ngħata raġun mill-Qorti, jiġifieri li dak li sar kisirlu id-drittijiet. Il-Qorti qalet ċar u tond li ‘kif deher ċar mid-depożizzjoni ta’ diversi rappreżentanti tal-baned, l-impressjoni ġenerali donnha hi li ladarba nxtara marċ, jekk veru jkun inxtara, wieħed jista’ jagħmel bih li jrid u jdoqqu kif irid u jirrekordjah kif irid. Il-Qorti tqis li l-prinċipju ta’ ‘ignorantia legis neminem excusat’ japplika dejjem – mhux lanqas hawnekk. Il-Qorti m’għandhiex l-iċken dubju dwar il-fatt li d-drittijiet tal-kompożitur bħala l-awtur tal-marċ ‘Faċċata Kolossali’ ġew leżi, ċertament, mhux lanqas minn Stephen Mizzi”.

Alfred Farrugia, jiddikjara li hu direttur mużikali u kompożitur ta’ għadd ta’ xogħolijiet mużikali fosthom il-marċ bl-isem ta’ “Faċċata Kolossali”, “Divina” u “CA.NO.PA”.
Jenfasizza li Stephen Mizzi, li dan hu magħruf għall-marċi li jsiru bil-kant, kiser id-drittijiet esklussivi tiegħu billi fost l-oħrajn addatta, irranġa, rriproduċa jew biddel fi kwalunkwe mod ieħor kif ukoll xandar lill-pubbliku u ddistribwixxa diversi xogħolijiet mużikali li huma l-propjetà intellettwali tiegħu u dana mingħajr l-awtorizzazzjoni u l-kunsens tiegħu. Oltre minn hekk, issoġġetta għat-tmaqdir ix-xogħol mużikali tal-istess kompożitur.
Il-kompożitur Farrugia jgħid li b’tali azzjonijiet, inkisru d-drittijiet tiegħu u għalhekk hu espost għal danni inkluż dawk morali. Jispjega li ċessjoni ta’ drittijiet tal-awtur u liċenzja biex iseħħ att li l-għemil tiegħu huwa kkontrollat minn drittijiet tal-awtur għandu jseħħ bi ftehim bil-miktub bejn il-partijiet, liema ftehim qatt ma seħħ u b’hekk ix-xogħolijiet jappartjenu esklussivament lill-kompożitur.
Alfred Farrugia kien kiteb lil Stephen Mizzi permezz ta’ ittra uffiċjali fis-sena 2021 biex jersaq għal-likwidazzjoni u ħlas ta’ danni. Qal iżda li hu baqa’ inadempjenti u għalhekk kellu jiftaħ proċeduri fil-Qorti.
Stephen Mizzi fil-Qorti kien iddikjara li l-kawża hija nulla u nvalida, frivola u vessatorja għax ma jirriżulta xejn ċar u kategoriku dwar dak li qed jissottometti l-kompożitur li għandu l-obbligu li jġib a konjizzjoni ta’ din il-Qorti l-fatti.
Minn naħa tiegħu, Charles Dalli, li għamel l-irrekordjar tal-marċ bil-kant kien iddikjara li l-kompożitur għandu jkun ċar fuq liema bażi ta’ liġi qegħda tiġi msejsa t-talba tiegħu. Enfasizza li hu qatt ma xandar lill-pubbliku, wera quddiem il-pubbliku u ddistribbwixxa xogħolijiet mużikali li huma l-proprjeta’ intelletwali tal-kompożitur Alfred Farrugia.
Il-kompożitur Alfred Farrugia jgħid li l-marċi bl-ismijiet ‘Divina’, ‘CA.NO.PA’ u ‘Faċċata Kolossali’ huma kompożizzjonijiet oriġinali tiegħu. Jispjega li l-marċ ‘Faċċata Kolossali’ kitbu fis-sena 1999 fejn kien imżanżan mill-Banda Santa Marija tal-Mosta bl-isem oriġinali jkun ‘Paramount’, mentri bl-isem ‘Faċċata Kolossali’ ġie rrekordjat l-ewwel darba fis-sena 2004 mill-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq, li tagħha kien Surmast Direttur bejn is-sena 1991 sas-sena 2021. Jispjega li fis-sena 2004, ibnu Mauro Farrugia kien kiteb il-kliem għall-marċ ‘Faċċata Kolossali’ u mal-bejgħ awtorizzat tas-CDs kienu qegħdin jitqassmu xi karti bil-kliem tal-marċ oriġinali biex il-partitarji jitgħallmu jkantawh. Jgħid li fis-sena 2008, reġa’ ġie rrekordjat u ppubblikat mill-istess Band Queen Victoria taż-Żurrieq fis-CD Album bl-isem ‘Bnadar Blu f’Idejna’ fejn ġie ppublikat il-kliem fil-fuljett tal-istess CD. Isostni li matul l- aħħar sbatax-il sena il-marċ kiseb popolarità kbira u illiċenzja lil ħafna baned, kemm f’Malta kif ukoll fl-Awstralja u fil-Kanada.
Qatt m’awtorizza li jsiru arranġamenti jew modifiki
Alfred Farrugia jiddikjara li l-permess li jagħti hu biex il-marċ jindaqq u jiġi rrekordjat kif minnu miktub u qatt m’awtorizza li jsiru xi arraġamenti jew tibdil fiħ.
Il-kompożitur jisħaq li “meta matul is-sena 2019, il-kumitat tal-Banda Queen Victoria wera x-xewqa li jirrekordja l-marċijiet ‘Faċċata Kolossali’ u ‘Divina’ fuq stil partikolari u mhux mal-banda – hu ma kienx aċċetta u dakinhar ġie mgħarraf li baned oħra kienu diġa’ għamlu dan. Jispjega li hu kien assigurahom li hu ma kienx ser jawtorizza dan u qatt ma kien awtorizza l-istess.” Qal li hu ma kienx konxju ta’ dak li kien seħħ fis-sens li ħadd ma kien talbu awtorizzazzjoni.
Jisħaq li l-kumitat tal-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq kien qallu li anke fuq YouTube kien hemm arraġamenti differenti u meta fittixhom sab li fuqhom kien jidher l-isem tal-kantant Stephen Mizzi.
Mauro Farrugia li hu iben il-kompożitur, sostna li missieru huwa awtorità li jkun ikkonsultat mill-Għaqda Każini tal-Banda fejn jidħlu materji ta’ xogħol ta’ kompożizzjoni u tagħlim mużikali fil-baned u kien ukoll l-għalliem tal-mużika tiegħu sakemm daħal l-Università. Jgħid li jiftakru jaħdem fuq ħafna mill-kompożizzjonijiet tiegħu, kemm dawk li huma l-oġġett ta’ din il-kawża kif ukoll oħrajn meta kien għadu jgħix fl-istess dar u kien isemmgħalu x-xogħol malli jkun finalizzat.
Jispjega li fis-sena 2019 kien assistent Surmast u l-kumitat kien xtaq li jagħmel CD bil-mużika tal-marċi tindaqq fuq synthesizer iżda missieru dan m’aċċettahx. M’aċċettax li jinbidel il-kontenut mużikali tal-istrumentazzjoni, il-melodija, l- kuntrapunt u l-armonija tal-marċi.
Jispjega li fl-istess żmien, fis-sena 2019, xi membri tal-għaqda ġibed l-attenzjoni lil missieru li xi siltiet tiegħu kienu diġa’ intużaw minn baned oħra li kienu tbiddlu mill-format miktub minn missieru. Isostni li għalhekk bdew jagħmlu riċerka dwar dan u sabu li C. Dalli Studios flimkien mal-kantant Stephen Mizzi qabdu numru ta’ kompożizzjonijiet ta’ missieru u bdew jinkluduhom fil-produzzjonijiet tagħhom mingħajr il-permess tal-kompożitur. Jgħid li mir-riċerka li għamel intebaħ li kienu qed jagħmlu dan anke bl-innijiet tal-futbol partikolarment għal Valletta Football Club, fejn bdew minn diski u eventwalment inkludew il-marċi tal-grawnd li ġejjin minn repertorju popolari tal-festi. Jikkontendi li l-każini tal-baned bdew jisimgħu dawn u jirrikorru għandhom sabiex jagħmlulhom is-siltiet tagħhom u dan mingħajr il-permess ta’ missieru sabiex jinkludu u jużaw il-materjal tas-siltiet komposti minnu.
Jispjega li mir-riċerka li għamel ma’ individwi li kienu attivi f’kumitati ġie nfurmat li Charles Dalli u Stephen Mizzi tħallsu madwar €400 biex jagħmlu track ġdida u €200 sabiex track eżistenti jinbidlilha l-kant. Isostni li minħabba raġunijiet bħal ċensura mill-Kurja, Charles Dalli u Stephen Mizzi pproduċew CDs fejn il-kompożituri oriġinali ma ġewx akkreditati fuq il-jackets tas-CDs jew anke biddlu l-isem oriġinali tal- marċ. Jgħid li diversi recordings, hemm elenkati, għadhom jinbigħu sal-lum.
Jgħid li fis-sena 2004 hu kien responsabbli sabiex sar il-kliem għal mal-marċ ‘Faċċata Kolossali’. Jispjega li hu kien talab il-permess ta’ missieru u uriehulu meta kien lesta l-ewwel abbozz u addattah għax-xewqat tiegħu.
L-Avukat Erroll Cutajar f’isem is-Soċjetà Marija Mater Gratia ta’ Ħaż Żabbar jgħid li hu l-konsulent legali tal-każin, iżda fil-passat kien jokkupa l-kariga ta’ Viċi-President u qabel dik ta’ Segretarju. Jgħid li lill-kompożitur personali ma jafux iżda jaf bix-xogħlijiet tal-marċi tiegħu. Jgħid li s-soċjetà għandha numru ta’ marċi fl-arkivji li xi darba jkunu nxtraw u li għalhekk jistgħu jindaqqu.
Jispjega li fis-sena 2011 kienu ġew rikordjat marċi brijużi tal-kant u fosthom hemm il-kanzunetta ‘Francis’ li hija mibnija fuq il-marċ ‘Faċċata Kolossali’. Isostni li s-CD mhijiex marċi bil-banda imma hija marċi bil-mużika illi tqabbad ikanta għaliha Stephen Mizzi u li tkun saret b’recording għand Charles Dalli. Hu ppreżenta kopja ta’ wara tal-imsemmi CD li l-Qorti ħadet konjizzjoni tiegħu. Jispjega li s-CD tkun tħallset minn partitarji u wara inbiegħet matul il-festa. Mistoqsi dwar ħlas, jgħid li dan is-CD sar fis-sena 2011 u b’hekk il-kumitat inbidel u m’għadx hemm records ta’ dan.
Jgħidulu li l-marċ xtrawh
Il-kantant Stephen Mizzi spiega li lil Alfred Farrugia jafu bħala surmast iżda personalment ma jafux. Jgħid li hu ma jagħmilx mużika u lirika iżda sempliċiment ikanta. Jispjega li meta jaslu l-festi tiġi għaqda u titolbu jkanta marċ u hu sempliċiment ikantaħ.
Iddikjara li jkollu informazzjoni li min ikun qed iqabbdu jkun xtrah il-marċ u jiġu għandu bil-kliem lest. Jispjega li hu m’huwiex marbut ma’ ebda għaqda iżda huma l-għaqdiet li jmorru għandu u jagħtuh il-kliem. Jgħid li ġieli jibdel ftit mill-kliem minħabba li jkun daqxejn goff. Mistoqsi dwar il-mużika, jgħid li l-mużika jagħmilha Charles Dalli fl-istudio tiegħu. Jispeċifika li l-mużika tingħata lill-istudio u hu meta jismagħha tkun diġa’ lesta u hu jisma’ l-mużika u jaqra l-kliem u jirranġa fejn ikun ħażin. Jgħid li l-kliem jirranġah għax uħud minnu ma jkunx jista’ jużah.
Mistoqsi r-raġuni għaliex marċ jista’ jintuża f’iktar minn okkażjoni waħda, jgħid li dan jiddependi fuq kemm jixtruh baned. Jispjega li mhux bilfors li jkantahom għal kull banda għax mhux kulħadd jagħmilhom. Il-lirika tvarja minn għaqda għall-oħra. Jgħid li dan ix-xogħol ilu jagħmlu għoxrin sena filgħaxijiet minħabba li matul il-jum jaħdem mal-Gozo Channel. Jgħid li x-xogħol tal-kant jagħmlu bħala passatemp għax iħobb il-mużika, jispjega li hu mhux kantant u qatt ma tgħallem għand ħadd. Isostni li kull ma jitħallas huwa ħamsin Ewro (€50) talli jkanta diska li normalment tkun tinvolvi tliet sigħat xogħol. Jikkonferma li hu mal-attur qatt ma kellu x’jaqsam u dejjem fada f’tal-marċi li jkunu xtraw l- istess marċ.
Mistoqsi jekk qabel ikanta marċ jivverifikax jekk il-każin għandux xi tip t’awtorizzazzjoni, jgħid li huma jgħidulu li xtrawħ. Isostni li hu m’għandux awtorità, is-CD ma tkunx proprjetà tiegħu u għalhekk min jagħmlu għandu jitlob l-istess awtorizzazzjoni. Jikkonferma li m’għandu ebda tip ta’ dokument li juri li l-marċ huwa awtorizzat. Jispjega li hu ma jkunx jaf xtrawx drittijiet speċifiċi imma ladarba jkunu xtrawh jassumi li jistgħu jagħmlu li jixtiequ bih. Fil-fehma tiegħu meta jgħidu li xtraw marċ ikunu xtraw id-drittijiet kollha.
Metą eżaminat il-provi il-Qorti qalet li sabet leżjoni tad-drittijiet tal-kompożitur li għalihom jaħti ukoll Stephen Mizzi u din il-Qorti ser tkun qed tillikwida d-danni ta’ €1,500 li għandhom jitħallsu minn Stephen Mizzi.

