Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bowling?
Bdejt meta kelli 16-il sena. Kont ninżel nara liz-ziju tiegħi, Silvio Anastasi, jipprattika dan l-isport, u qatt ma kont naħseb li kont se nispiċċa nipprattikah jien ukoll u nasal fejn wasalt s’issa.
Wara biss madwar tmien xhur nipprattika l-bowling kont ħadt sehem fl-English Junior Open Championships fejn kienu ħadu sehem mijiet ta’ atleti u kont irbaħt dan l-istess kampjonat.
X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess ferm importanti li ksibt f’Ateni fil-Greċja?
L-aħħar kampjonat li ħadt sehem fih kien il-Kivelos Bowling Open 2025 li sar ġewwa Ateni fejn il-livell kien wieħed għoli ħafna fejn irnexxieli nikseb rekord personali ta’ 1244 pins f’ħames loghbiet fejn jiġi ekwivalenti għall-punteġġ medja ta’ 248 f’kull logħba li jien kburi ħafna u rnexxieli nispiċċa fid-19-il post min 218-il atleta f’kundizzjonijiet għoljin ħafna f’din id-dixxiplina.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Matul il-karriera tiegħi f’dan l-isport irnexxieli nsir seba’ darbiet champion nazzjonali, English Junior Open champion, record holder nazzjonali ta’ 6 u 8 game series, ħames logħbiet perfetti (punteġġ 300), deheb u bronż fil-Kampjonati tal-Mediterran 2015, ġewwa Chania, fi Kreta.
Platinum Award – MOC Sports Awards 2015; deheb u bronż fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2017 ġewwa San Marino; It-tieni post fis-Swiss Team Event 2017 ġewwa l-Iżvizzera; fidda fil-Kampjonati tal-Mediterran 2018 ġewwa Ankara, it-Turkija; tliet midalji fidda fil-Kampjonat tal-Mediterran 2019 ġewwa Malta, midalja Bronż fil-Kampjonat tal-Mediterran 2022 ġewwa Ateni, żewġ midalji Bronż fil-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar ġewwa San Marino 2023 u l-ikbar waħda ftit tal-ġimgħat ilu ġewwa Ankara fit-Turkija fil-Kampjonat tal-Mediterran meta rbeħna żewġ midalji fidda, żewġ midalji deheb li waslet biex insir Champion tal-Mediterran 2025.
Kif tqis il-livell tal-bowling f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-bowlers Maltin huwa tajjeb ħafna fix-xena tal-kompetizzjonijiet internazzjonali. Meta tikkunsidra li aħna nipprattikaw il-bowling wara l-ħin tax-xogħol tagħna, huwa ħafna anqas ħin meta kkumparat ma’ atleti internazzjonali li jqisu l- Bowling bħala x-xogħol ewlieni tagħhom. Nemmen li se jkollna iktar tfal li se jippromettu fix-xena ta’ dan l-isport b’mod speċjali Kayden Lagana, Nicholas Muscat u Nicolai Mallia, li diġà pparteċipaw kif ukoll rebħu titli barra minn xtutna f’livell internazzjonali.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala atleti dedikati li dejjem ġibna unuri kbar fix-xena internazzjonali lejn pajjiżna, dejjem tistenna li jkun hemm faċilitá f’idejn il-Malta Bowling Association bl-għajnuniet mill-Gvern u xi tip ta’ fondi Ewropej li sservi bħall-Bowling Clinic, fejn inkunu flessibbli u komdi biex nipprattikaw mingħajr ma jkollna bżonn nagħmlu arranġamenti u ħinijiet speċifiċi kif qegħdin nagħmlu bħalissa mal-privat.
Però, nista’ ngħid li l-Bowling Centre – l-Eden Superbowl, f’Paceville, huwa gdid u kbir biżżejjed biex jiġu organizzati kampjonati u jaqduna tajjeb ħafna u jaqduna bl-aħjar mezz possibli.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Ix-xewqa tiegħi hi li nkun nista’ nieħu sehem f’EBT Tour li jsir kull sena u jinvolvi 13-il destinazzjoni ġewwa l-Ewropa li jkun b’format ta’ punteġġ li tiġbor minn kull kompetizzjoni f’dawn il-pajjiżi u li fl-aħħar ikun hemm il-finali għal titlu importanti ħafna.
Għalhekk sponsors u kull għajnuna finanzjarja jkunu importanti għal kull atleta fix-xena tal-isport għaliex b’hekk ikunu jistgħu iwettqu l-ħolma tagħhom u possibilment jonoraw isem Malta. Min ghawnhekk nixtieq nirringrazzja l-main sponsor tieghi Volkswagen – Continental Cars Ltd u lil VIS Sportwear ġewwa Turin fl-Italja li dejjem kienu warajja fil-karriera tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-bowling.
Il-bowling huwa dixxiplina sportiva ta’ dedikazzjoni u konċentrazzjoni kbira li dawn kollha jgħinuk fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum. Il-bowling huwa mimli esperjenzi li dejjem jgħallmuk xi ħaġa ġdida fejn tista’ tirrifletti u tiġi aħjar milli kont qatt qabel.
L-iktar ħaġa importanti hi li qatt u qatt m’għandek taqta’ qalbek!