Minn Cristian Muscat
It-tim taż-żgħażagħ ta’ Marsascala Heat Hockey Club kiseb suċċess memorabbli meta rebaħ il-kampjonat fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena wara rebħa drammatika ta’ 2–1 kontra Qormi U18 f’partita li żammet lill-partitarji kollha fuq ix-xwiek sal-aħħar sekondi fil-logħba li ntlagħbet fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin.
Din il-finali kienet waħda mimlija tensjoni, determinazzjoni u emozzjonijiet, fejn iż-żewġ timijiet taw kollox sabiex jilħqu l-għan tagħhom.
Il-logħba bdiet b’ritmu kawt, b’żewġ naħat li kienu konxji mill-importanza tal-konfront. Fil-bidu ftit kien hemm ċansijiet ċari, hekk kif iż-żewġ difiżi kienu organizzati tajjeb u ħadd ma ried jagħmel żball li seta’ jiswa’ l-logħba. Kienet battalja tattika, b’ħafna dwelli fiċ-ċentru tal-grawnd u sforz kontinwu biex jinbena attakk li jiftaħ id-difiża avversarja.
Madankollu, kienu Qormi Daikin li rnexxielhom jiftħu l-iskor fit-tieni perjodu tal-logħba permezz ta’ penalty corner. Il-gowl poġġa lil Marsascala Heat taħt pressjoni, hekk kif f’dak il-mument kienu qed isibu ruħhom wara f’logħba li kienet deċiżiva għat-titlu.
Minkejja dan, iż-żgħażagħ ta’ Marsascala ma qatgħux qalbhom u komplew jiġġieldu sabiex isibu mod kif jerġgħu jidħlu fil-partita.
Fit-tieni taqsima, il-plejers ta’ Marsascala Heat żiedu l-intensità tagħhom. Il-pass tal-logħob żdied u l-attakki saru aktar perikolużi, b’diversi tentattivi lejn il-lasta avversarja.
L-isforz tagħhom finalment ta l-frott meta rnexxielhom jiskurjaw il-gowl tad-draw, li ġab lura t-tama u l-entużjażmu fit-tim kollu.
Meta l-logħba daħlet fl-aħħar kwarta, it-tensjoni kienet tidher. It-titlu tal-kampjonat kien għadu kompletament miftuħ u kull mument seta’ jagħmel id-differenza. Iż-żewġ timijiet komplew jippruvaw jattakkaw, iżda wkoll joqogħdu attenti li ma jħallux spazji perikolużi.
Kien biss żewġ minuti qabel it-tmiem li wasal il-mument deċiżiv. Marsascala Heat kisbu penalty corner importanti u rnexxielhom jikkonvertuh f’gowl. Dan il-gowl deċiżiv ta r-rebħa lil Marsascala Heat u fl-istess ħin assigura t-titlu tal-kampjonat, f’mument li se jibqa’ mfakkar għal żmien twil minn dawk kollha involuti fit-tim.
Il-gowl tar-rebħa ġie skorjat minn żagħżugħ ta’ 17-il sena, Xylon Cassar, li kien wieħed mill-protagonisti tal-partita. Meta tkellem ma’ dan is-sit dwar dan is-suċċess, Cassar ma ħebiex il-ferħ u l-kburija tiegħu.
“Jiena kburi ħafna li kelli ċ-ċans li niskorja l-gowl tar-rebħa,” qal Cassar. “Ħdimna ħafna tul l-istaġun kollu u dan huwa premju għall-isforz li għamilna. It-tim tagħna huwa kważi bħal familja u dan jgħinna ħafna fil-grawnd.”
Huwa spjega wkoll li dan it-titlu huwa biss il-bidu għal ħafna minn dawn iż-żgħażagħ li għandhom ambizzjonijiet kbar fil-karriera sportiva tagħhom. “Nemmen li għandna potenzjal kbir bħala tim. Għalija hija ħolma li nikkompeti fil-kampjonat tal-hockey u anke mal-tim nazzjonali,” sostna.
“Nemmen li Marsaskala Heat se tkun qed iżżid il-potenzjal tagħha fil-logħba tal-hockey u kważi lesta biex tikkompeti fil-kampjonat tal-kbar.”
Cassar ħa wkoll l-opportunità biex jirringrazzja lil dawk kollha li għenuh tul il-vjaġġ tiegħu fl-isport. Huwa semma b’mod speċjali lill-eks plejer Niandra Xuereb, li kienet ta’ ispirazzjoni għalih, kif ukoll lill-kowċ Quincy Bregman, li skontu kellu paċenzja kbira miegħu u għenu jiżviluppa bħala plejer.
“Nixtieq ngħid grazzi lil Niandra u lill-kowċ Quincy li dejjem emmnu fija u tawni ħafna pariri. Grazzi wkoll lill-kowċ Manuel Imbroll li għenni ħafna. Huma kollha kellhom parti importanti fil-progress tiegħi. Jien inqisu bħala l-missier tat-tim tal-hockey ta’ Marsaskala.”
Ma setax jonqos ukoll ringrazzjament speċjali lill-familja tiegħu li emmnu fih mill-bidu nett.
“Il-membri tal-familja tiegħi emmnu fija minn meta qbadt l-istikka għall-ewwel darba u dejjem kienu hemm biex jinkoraġġuni. Dan is-suċċess huwa wkoll għalihom.”
Ir-rebħa tal-kampjonat għal Marsascala Heat U18 turi kemm ix-xogħol f’tim, id-dixxiplina u d-determinazzjoni jistgħu jwasslu għal suċċess. Minkejja l-pressjoni kbira ta’ partita deċiżiva, iż-żgħażagħ wrew maturità u karattru li jmorru lil hinn mill-età tagħhom.
Dan it-titlu jista’ jkun biss il-bidu għal ħafna minn dawn il-plejers li għandhom futur promettenti quddiemhom. Jekk jibqgħu jaħdmu bl-istess dedikazzjoni u passjoni li wrew f’din il-finali, hemm kull raġuni biex wieħed jemmen li se naraw aktar suċċessi mingħandhom fil-futur. Xylon żgur li se jkun wieħed minnhom u li se nkomplu nisimgħu aktar mingħandu.
Dan is-suċċess għandu wkoll tifsira speċjali għall-klabb ta’ Marsascala Heat, li ilu jaħdem b’mod kontinwu biex jiżviluppa t-talent taż-żgħażagħ fil-hockey Malti. Il-fatt li tim ta’ taħt it-18-il sena rnexxielu juri tant maturità u determinazzjoni f’partita daqshekk importanti huwa sinjal ċar tal-ħidma tajba li qed issir fil-livell tal-akkademja.
Dan it-titlu mhux biss premju għall-plejers, iżda wkoll għall-kowċis, il-familji u dawk kollha li jiddedikaw ħinhom biex jappoġġjaw lill-klabb. B’bażi solida ta’ plejers żgħażagħ b’talent, Marsascala Heat jista’ jħares lejn il-futur b’ottimiżmu u b’aktar ambizzjoni biex ikompli jikber fl-isport tal-hockey f’Malta.
B’dan il-mod, Marsascala Heat U18 jistgħu jiċċelebraw kampjonat mistħoqq, frott ta’ staġun mimli xogħol, sagrifiċċju u spiritu ta’ tim li verament jaħdem bħala familja.

