Xahar mill-mewt ta’ Paulina Dembska u sentejn mill-mewt ta’ Chantelle Chetcuti, ġie ppreżentat abbozz ta’ liġi li jikkumbatti l-femiċidju.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis f’kummenti lil dan is-sit qalilna li “L-Amministrazzjoni Robert Abela hija waħda magħquda, umli, li tisma’ u li tattwa. Il-Gvern wieġeb għar-reazzjoni tas-soċjetà Maltija dwar l-istupru u l-qtil ta’ Paulina Dembska li diġà għalqet xahar mill-qtil tagħha li seħħ ġewwa Tas-Sliema. Sostna li huwa verament kburi li xahar biss wara l-qtil, b’konsultazzjoni mal-esperti, kien hemm qbil biex jiġi ppreżentat dan l-abbozz li fuqu hemm qbil b’viżjoni f’dak li ddeskra bħala l-ewwel pass ’il quddiem.
Il-Ministru Zammit Lewis kompla billi saħaq li l-femiċidju mhux ġeneralment rikonxxut bħala reat distint mill-omiċidju volontarju u dan għaliex fis-sistema legali Maltija l-omiċidju iġib miegħu l-ogħla piena possibli, jiġifieri, l-għomor il-ħabs. Għalhekk ma kienx jagħmel sens li l-femiċidju jiġi ntrodott fil-Kodiċi Kriminali tagħna bħala reat għal rasu jew bħala aggravju għall-omiċidju volontarju.
Il-Gvern semgħa u aġġixxa fi żmien rekord tant li ftit ġimgħat biss wara l-episodju li ħasad lin-nazzjon qiegħed jippreżenta din l-emenda. F’dan l-Abbozz li ser jitressaq quddiem il-Kamra tad-Deputati fil-jiem li ġejjin, ġew elenkati ‘ċirkostanzi femiċidjali’ ta’ qtil li għandhom jikkonvinċu lill-Qrati ta’ pajjiżna jmorru għall-piena massima skont il-liġi. Għamilha ċara li l-bniedem jibqa’ soġġett għall-iżball u ma jfissirx li għax qegħdin isiru dawn l-emendi, dak li seħħ mhuwiex se jerġa’ jseħħ, iżda qiegħed jintbagħat messaġġ ċar li dan mhuwiex tollerabbli.
Il-Ministru kkonkludi jgħid li għalkemm dan il-Gvern għamel ħafna sabiex iħares lill-mara, u beda jattwa dak li hemm fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul, xorta jibqa’ jemmen li għandu jitwettaq aktar xogħol minn kulħadd sabiex ikun hemm bidla fil-mentalità fis-soċjetà tagħna sabiex ninħallu mill-ktajjen tad-diskriminazzjoni kontra l-mara u l-isterjotipi msejsa fuq il-ġeneru.
AQRA WKOLL: