Saturday, December 21, 2024

Kburi li Laburist, kburi li Malti

Aqra wkoll

Fi ftit ġimgħat oħra l-membri tesserati tal-Partit Laburista se jkunu qegħdin jagħżlu Mexxej ġdid għall-partit wara d-deċiżjoni tal-Mexxej attwali, Dr Joseph Muscat, li jieqaf minn din il-kariga u mill-kariga ta’ Prim Ministru. Ħassejt li b’esperjenza ta’ 40 sena f’kull livell tal-istrutturi tal-partit u bi kważi seba’ snin fil-Parlament fil-kariga ta’ Ministru u għal dawn l-aħħar sentejn u nofs Deputat Prim Ministru għandi inwieġeb għas-sejħa li qed jagħmel il-partit u l-pajjiż u nikkontesta għal din il-kariga.

Sa minn meta l-Partit Laburista ġie fdat bit-tmexxija tal-pajjiż f’Marzu tas-sena 2013, fiduċja mġedda, imsaħħa u mkattra aktar minn qabel f’Ġunju tas-sena 2017, il-poplu Malti u Għawdxi esperjenza trasformazzjoni sħiħa fil-pajjiż, b’kull faxxa tal-popolazzjoni tibbenefika mid-deċiżjonijiet u miżuri ta’ fejda. Għamilna fuq li għamilna f’kull qasam tal-ħajja, u minkejja dan il-ġid kollu, xorta nirrikonoxxu li għadal fadal xi jsir.

Għal dan il-għan qiegħed inressaq ‘il quddiem għaxar proposti li Gvern Laburista mmexxi minni bħala Prim Ministru jkun qed jaħdem fuqhom fl-ewwel mitt jum mill-ħatra ta’ Mexxej tal-partit u ta’ Prim Ministru. It-temi ta’ dak li qed nipproponi huma:

Governanza – Nagħmlu riformi fil-governanza tal-pajjiż biex jissaħħaħ il-ħarsien tas-saltna tad-dritt. Insejjaħ konferenza dwar il-governanza u s-saltna tad-dritt biex fi żmien qasir nimplimentaw riformi fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż li jsaħħu s-saltna tad-dritt kif ukoll riformi kostituzzjonali hekk kif ikun hemm bżonn.

Inkomplu nkattru s-suċċessi – Nibnu fuq ‘il ħafna li hu tajjeb fil-mudell ekonomiku li bnejna f’dawn is-seba’ snin filwaqt li nassiguraw li dan isir b’mod ekwu u ġust.

Inwettqu pjan ambizzjuż għall-ambjent – Indaħħlu spazji ħodor u pjazez f’kull belt u raħal tagħna bħalma kienu jagħmlu ta’ qabilna. Intejbu l-ħarsien tal-paesaġġ u l-ibħra ta’ madwarna u nħarsu l-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna. Nassiguraw arja nadifa u nindirizzaw it-tibdil fil-kliema.

Gvern b’ruħ soċjali – Nassiguraw illi l-ħaddiema kollha jkollhom l-istess paga meta jagħmlu l-istess xogħol. Nieħdu miżuri biex neradikaw il-faqar u nassiguraw ħajja ta’ kwalità għolja għall-pensjonanti.

Azzjoni konkreta dwar l-immigrazzjoni – Nassiguraw illi l-infrastruttura kollha tal-pajjiż tkun imsaħħa biex tilqa’ għaż-żieda fil-popolazzjoni li tiġri hekk kif tkompli titkattar l-ekonomija. Nuru ħniena ma’ dawk l-immigranti li jiġu Malta biex jaħarbu mill-għajb, filwaqt li b’id soda nassiguraw li dan il-piż jinġarr mill-Ewropa kollha u mhux biss minn Malta.

Housing – B’mod strutturat inwettqu pjan ambizzjuż u aggressiv biex insolvu l-problema tal-housing.

Trasport – Nattwaw politika li tmexxina lejn mezzi ta’ trasport li ma jniġġsux ħalli nissalvagwardjaw is-saħħa tagħna u ta’ wliedna. Inkomplu bil-proġett tal-mina ta’ Għawdex u nwettqu pjan fuq medda ta’ seba’ snin għal sistema ta’ ‘smart transport’ tal-massa sostenibbli u nadifa.

Insewwu r-reputazzjoni ta’ Malta – Nieħdu passi mmedjati biex, bil-kontribut tas-soċjetà Maltija kollha, ir-reputazzjoni ta’ Malta fil-kamp internazzjonali terġa’ titpoġġa fl-ogħla livelli.

Inħarsu l-kwalità tal-ħajja – Intejbu l-livell ta’ sigurtà fiż-żoni residenzjali tagħna, naħdmu aktar favur il-prevenzjoni tal-mard u l-protezzjoni tas-saħħa u nassiguraw li kulħadd ikollu l-mezzi biex ikompli jitħarreġ tul il-karriera tiegħu. Nagħtu spazju għat-tkattir tal-kultura, sport u mezzi ta’ rikreazzjoni.

Inkomplu nsaħħu l-Partit Laburista – Inwettqu flimkien riformi biex il-Partit Laburista jkun aktar b’saħħtu milli diġà hu u jkun parteċipi fit-tfassil tal-politika filwaqt li inżommu d-distinzjoni bejn partit u gvern.

Konvint li flimkien nistgħu nagħmlu dan kollu għax il-Partit Laburista huwa msejjes fuq prinċipji u valuri soda u hekk wera li hu Gvern Laburista. Lest nagħti ħilti, saħħti u ħajti għal dan il-għan b’rieda u determinazzjoni tal-azzar għax kburi li Laburist, kburi li Malti.

Ekonomija

Sport