Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għal-logħba tal-futbol ġiet mogħtija lili mingħand missieri, li minn ta’ etá żgħira kien dejjem jeħodni nara l-logħbiet tas-St George’s. Ta’ għaxar snin bdejt nilgħab mal-istess St George’s u għamilt sa 19-il sena. Ta’ 23 sena bdejt l-ewwel esperjenza ta’ kowċing mal-istess St George’s dak iż-żmien fin-Nursery, u minn hemm ‘l hawn għadna għaddejjin mimlija passjoni għal-logħba tal-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ St Andrews FC.
Wara l-aħħar żewġ staġuni ta’ diffikultá, fejn il-klabb kellu jistenna sal-aħħar logħbiet biex isalva postu fiċ-Challenge League, l-objettiv kien li nippruvaw niġu mal-ewwel tmienja. Malli spiċċa l-istaġun li għadda, ippjanajna li jkollna skwadra kompetittiva b’ħafna mill-plejers tas-sena l-oħra li reġgħu ġew konfermati, b’kampanja akkwisti żgħira imma bi plejers li konna nafu li ħa jidhlu fis-sistema tagħna u bi plejers mill-akkademja biex jikkumplimentaw u jsaħħu l-iskwadra.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
B’ħidma kbira, u b’impenn irnexxielna nilħqu t-tragwrad tal-klabb, li nispiċċaw mal-ewwel tmienja. B’hekk kburi ngħid li din kienet l-aħjar sena mit-tliet staġuni li għamilt ma’ St Andrews. Xi ħaġ’oħra ta’ min jirrimarka huwa l-fatt li rnexxielna nikkreaw stil ta’ logħba li jilgħab min jilgħab kull plejer jaf ir-responsabbiltá u r-rwol tiegħu. Kburi wkoll li ngħid illi bħala plejers titolari kellna diversi plejers żgħażagħ li emminna fihom, tajnihom iċ-ċans u saħansitra spiċċaw plejers importanti għalina, fosthom Ben Gaerty CB ta’ 18-il sena, Jack Camilleri CM ta’ 17-il sena u Seb Mifsud GK ta’ 19-il sena.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istagun, hekk kif issa ninsabu proprju lejn l-aħħar tiegħu?
Wara li rnexxielna nilħqu l-obejettiv tagħna, ipprovajna ntejbu l-logħba tagħna … ippruvajna nġibu kemm jista’ jkun punti, u ninkludu iktar plejers promettenti billi nagħtuhom minuti importanti. B’dispjaċir nistqarr illi għalkemm irnexxielna ntejbu l-logħba tagħna, u dejjem kellna prestazzjonijiet tajbin fit-tieni rawnd, ma rnexxilniex inġibu l-punti li xtaqna.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li għalkemm dejjem ikun hemm x’tagħmel iktar, il-futbol Malti mar ‘il quddiem, speċjalment fiċ-Challenge League. F’Malta bħal f’kull pajjiż ieħor, hawn plejers żgħar ta’ talent … sta għall-klabbs u għall-kowċis kemm ikollhom kuraġġ jagħtu ċ-ċans liż-żgħażagħ jieħdu l-esperjenza u jikbru fil- logħba. Nemmen li din hija l-iktar ħaġa importanti għall-futur tal-futbol Malti.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Luxol St Andrews għandhom faċilitajiet li huma fost l-aqwa ġo Malta. Hemm ħafna klabbs li għandhom faċilitajiet tajbin. Nemmen li kulħadd ħaqqu li jkollu faċilitajiet tajbin, u b’hekk kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet.
Rigward il-grawnds fejn jintlagħab iċ-Challenge League, nemmen li jintlagħab f’żewġ stadia tajbin, dak tal-Victor Tedesco u tas-Centenary. Ovvjament bħal dejjem u bħal kollox dejjem hemm fejn ittejjeb u l- investment irid ikun kontinwu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien dejjem żewġ objettivi infittex qabel kull pass li nagħmel, l-ewwel li nibqa’ determinat li nitgħallem iktar, u t-tieni li fejn inkun nagħti l-enerġija kollha tiegħi biex nipprova dejjem inkun bniedem aħjar milli kont is-sena ta’ qabel. S’issa dawn iż-żewġ fatturi żammewni motivat biex inkompli fil- logħba.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-ħajja fil-futbol mhix faċli … ħa ssib min jipprova jaqtagħlek qalbek, se ssib distrazzjoni minn affarijiet oħra tal-ħajja, peró bid-determinzzjoni u bir- reżiljenza, jekk temmen fik innifsek u tkun umli, kapaċi tasal fejn trid!

