Monday, June 2, 2025

Kburija ħafna li irnexxieli nġib din il-midalja tad-deheb għal Malta – Jessica Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-karate? 

Jien minn dejjem kelli mħabba kbira lejn il-karate. Dan għax minn mindu twelidt, ħuti, ommi u missieri diġá kienu involuti fil-karate. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’inhuma l-ewwel kummenti tiegħek wara li ktibt l-istorja u ksibt midalja tad-deheb għal pajjiżna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?

Jien vera kburija li rnexxieli nġib din il-midalja tad-deheb għal Malta. Vera kuntenta bija nnifsi għax irnexxieli nitla’ fuq it-tatami u nesprimi l-ħidmiet kollha li għamilt. Kont ilni naħdem għal dan il-Logħob għal dawn l-aħħar ħames snin. Għalija huwa unur ikbar li ġibt din il-midalja fil-karate li pparteċipa għall-ewwel darba f’dan il-Logħob.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Pembroke Karate Club. 

Jien minn dejjem kont nimmilita ma’ dan il-klabb. Jien ngħin ukoll permezz tal-kowċing f’dan il-klabb. Fil- klabb hemm ħafna motovazzjoni u huwa ambjent pożittiv fejn kulħadd jgħin lil xulxin. Il-kowċis Michelle Vella u Matthew Vella jikkontribwixxu ħinhom mal-atleti kollha kif ukol jissaportjawhom fil-karate kif ukoll f’ħajithom. Dejjem jaraw x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu. Huma wkoll jagħmlu attivijajjet biex jgħinu lilna l-atleti ningħaqdu u nħossuna parti minn familja speċjali.

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Jien irnexxieli nirbaħ id-deheb fil-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar għal ħames snin. Dan filwaqt li spiċċajt fid-disa’ post fil-Kampjonati tal-Ewropa. Fl-2024, ikklassifikajt fit-tielet post fil-Belgium Open, u f’April ta’ din is sena, ġejt it-tieni fil-kategorija tal-kbar (16+) fil-Golden belt li seħħet is-Serbja.

Kif tqis il-livell tal-karate f’pajjiżna fil-preżent?

Jien nemmen li bħalissa il-karate qed jogħla fil-livell bħal qatt qabel f’Malta. Dan għax qed jirnexxielna niksbu midalji f’kompetizzjonijiet kbar bħall-Kampionati tal-Mediterran (fejn Thyis Antoneli rebħet id- deheb fil-kumite) kif ukoll kompetizzjonijiet tal-‘Youth Leagues’. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Aħna jkollna żewġ kompetizzjonijiet f’Malta u nsiefru kważi darba fix-xahar għall-kompetizzjonijiet barra minn Malta sabiex ingibu aktar esperjenza u kunfidenza. Ikollna wkoll diversi seminars u training camps ma’ diversi kowċis internazzjonali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-karate? Naf li f’Awwissu li ġej se tkun qed tieħu sehem fil-Kampjonati tal-Mediterran fl-Eġittu. Agħtina iktar dettalji. 

Kuntenta ħafna għal dak li ġej fil-karriera tal-karate tiegħi. Inħossni li tellajt livell fejn lesta biex nikkompeti kontra pajjiżi kbar. La issa lestejt din il-kompetizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, issa se nitfa’ ħilti kollha għall-kompetizzjoni li jmiss, f’Awwissu fil-Kampionati tal-Mediterran fl-Eġittu. Hemm se nkun qed nikkompeti fil-kategorija Seniors (+16) kata femminili u se jieħdu sehem 18-il pajjiż.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-karate.

L-importanti li tkun determinat u konsistenti. Ma tridx taqta’ qalbek għax biex takkwista r-riżultati trid iż- żmien!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport