Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?
L-imħabba tiegħi għall-isport bdiet lura fil-belt twelidi fl-Iżvezja meta kont żgħira. Matul l-istaġuni tas-sajf kont nilgħab il-futbol mat-tim tiegħi fil-grawnds ta’ barra tagħna, imma meta ġiet ix-xitwa bil-kesħa u l-borra, dejjem konna nċaqalqu t-taħriġ ġewwa. Matul dan il-perjodu, ipparteċipajna wkoll f’ħafna tournaments tal-futsal madwar in-nofsinhar tal-Iżvezja, li verament ħadt gost bihom. Dejjem ħabbejt il-parti teknika tal-futsal, allura anke jekk il-futbol kien l-isport ewlieni tiegħi, il-futsal dejjem kellu post f’qalbi minn età żgħira – u għadu għandu.
Kif ġejt tilgħab f’Malta?
Ġejt ngħix Malta sitt snin ilu għax-xogħol u ngħaqadt mat-tim tal-kowċ, Jackie Abdilla, ftit xhur wara għal taħriġ divertenti u logħob 5-a-side. Dak iż-żmien ma konniex nipparteċipaw f’kampjonat, u meta ġiet il-pandemija tal-COVID-19, waqafna nilagħbu. Qabel l-ewwel staġun tal-kampjonat tal-futsal tan-nisa, Jackie ikkuntattjatni u staqsietni jekk kontx interessata li nerġa’ nilgħab il-futsal magħha u mat-tim, u peress li kont nimmissja ħafna l-futbol u diġà kelli din l-imħabba għall-futsal, erġajt ingħaqadt magħhom. U jien tant ferħana li għamiltha!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tan-nisa ta’ Lija Futsal.
Huwa tim li jaħdem ħafna b’ħafna talent, u tgħallimt ħafna minn kull wieħed u waħda minnhom matul dawn iż-żewġ staġuni. Jien kburija u ferħana li nkun parti minn Lija u jien grata għal dak kollu li nesperjenza ma’ dan it-tim.
X’tikkummenta dwar l-andament tat-tim tiegħek, Lija Athletic Women Futsal, matul l-aħħar staġun, fejn irbaħtu wkoll il-Kampjonat?
Ma kienx staġun faċli għalina. Qabel il-finali prinċipali tal-kampjonat, tlifna kemm il-finali tas-Super Cup kif ukoll il-finali tan-Knock-out, żewġ diżappunti matul l-istaġun. Għalhekk, għall-aħħar logħob finali tal-istaġun, ilkoll qbilna li kien imiss lilna li ngħollu t-trofew. Il-plejers kollha, il-kowċ tagħna u n-nies kollha li appoġġjawna barra l-grawnd taw kollox u jien kburija li fl-aħħar irnexxielna nilħqu l-mira tagħna. Kien sforz ta’ tim veru.
X’tikkummenta dwar il-kowċ, Jackie Abdilla?
Jackie hija waħda mill-aktar kowċis passjonati li qatt lgħabt magħhom, kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu. L-impenn tagħha huwa impressjonanti, u naħseb li l-imħabba tagħha għall-isport tirrifletti fuqna bħala tim. Hija tibqa’ timbottana u l-aktar importanti, temmen f’kull wieħed u waħda minna.
Kif tqis il-livell tal-futsal tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Nista’ nqabbel biss mas-snin ta’ qabel tiegħi nilgħab fl-Iżvezja. Dak iż-żmien, il-futsal ma kienx il-fokus ewlieni tiegħi, jew ta’ sħabi fit-tim, allura ma tgħallimtx wisq dwar il-logħba tal-futsal.
Madankollu, jien kuntenta li qed nesperjenzah hawn Malta issa, u naħseb li l-isport u l-kampjonat tan-nisa għandhom ħafna potenzjal. Il-logħob huwa kompetittiv, u nemmen li diġà kien hemm titjib mill-ewwel għat-tieni staġun.
U xi ngħidu dwar ir-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Ngħid jien, sfortunatament, huwa daqsxejn ristrett. Minħabba n-nuqqas ta’ grawnds ta’ ġewwa u ħinijiet limitati, nistgħu, pereżempju, nibdew nitħarrġu fid-9.30 ta’ filgħaxija, li mhuwiex ottimali meta jkollok xogħol kmieni l-għada. B’aktar għażliet u riżorsi, naħseb li l-futsal tan-nisa jikber ħafna aktar u jsir dejjem aktar popolari.
Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna?
Peress li ilni ma ngħix f’Malta, ma nistax ngħid kif kien qabel meta mqabbel ma’ issa. Imma mill-esperjenza tiegħi, kemm hawn kif ukoll lura fl-Iżvezja, naħseb li dejjem jista’ jsir aktar, speċjalment fl-isports tan-nisa. Madankollu, naħseb li huwa pożittiv li din il-kampjonat tan-nisa fil-futsal ġie introdott żewġ staġuni ilu. Nispera li jibqa’ jikber sabiex aktar nies ikunu jistgħu jesperjenzaw dan l-isport eċċitanti.
Kif qed tara l-futur tiegħek fil-futsal?
Personalment, se nibqa’ nilgħab il-futsal ma’ Lija sakemm inħoss li qed nitjieb u nieħu gost fil-grawnd. U sakemm għadni ngħix f’Malta, naturalment. Meta mmur lura d-dar l-Iżvezja fil-futur, nittama li nista’ nkompli – jew bil-futsal, bil-futbol jew b’taħlita tat-tnejn.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futsal.
Ibqgħu aħdmu iebes, emmnu fikom infuskom u forsi l-aktar parti importanti – gawdu l-logħba! Il-vjaġġ tiegħi fil-futsal ma’ Lija beda meta kelli 28 sena, allura fl-aħħar iżda mhux l-inqas, qatt mhu tard wisq!