Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-regatta?
L-imħabba tiegħi lejn ir-regatta minn dejjem kienet fija għax bħala Sengleana trawwimt fiha.
X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li ksibtu bħala Isla Regatta Club fir-Regatta tat-8 ta’ Settembru li għadda?
Kburija u grata li ġibna x-Shield tan-Nisa ġewwa l-klabb tal-Isla għall-ewwel darba u kelli ċans inkun parti minn das-suċċess li ġibna tliet shields.
X’tikkummenta fuq l-involviment tan-nisa fir-regatta?
L-involviment tan-nisa fir-Regatta, għalija, hi xi ħaġa tassew sabiħa u ta’ ispirazzjoni. Fis-snin li għaddew dan l-isport kien magħruf l-aktar għall-irġiel, imma llum il-preżenza u l-kontribut tan-nisa qed iħallu marka qawwija u pożittiva. Dan hu pass ‘il quddiem lejn sport aktar inklużiv, u prova ċara tas-saħħa u d-determinazzjoni tan-nisa tagħna.
X’tikkummenta fuq l-organizzazzjioni tar-Regatta f’pajjiżna?
L-organizzazzjoni tista’ tissaħħaħ aktar, għax hemm ċerti affarijiet li jeħtieġ jiġu rranġati sabiex ir-Regatta tibqa’ attivita u ta’ interess u tiġbed iktar nies lejha.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fir-regatta?
Qed inħares lejn il-futur tiegħi bhala qaddiefa b’umiltà u determinazzjoni. Ir-rebħa tħeġġiġni biex inkompli nitgħallem u nagħmel l-aħjar għall-klabb u għall-isport li nħobb.
Għaddi messaġġ finali lil dawk il-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jibdew jieħdu sehem fir Regatta.
Ir-Regatta fiha s-sagrificcji tagħha bħal kull sport ieħor, peró li tirrapreżenta jew anke trebbaħ pajjiż hu unur. Inħeġġeġ bis-sħiħ biex tagħmlu l-ewwel pass – kulħadd jista’ jagħmel differenza u jgħin iżomm ħajja din it-tradizzjoni sabiħa!