Sunday, October 19, 2025

Keith Galea Champion Nazzjonali tad-Duathlon għat-tmien darba

Aqra wkoll

Iktar suċċessi għal Keith Galea hekk kif il-Ħadd li għadda, Galea ġie nkurunat Champion Nazzjonali tad-Duathlon għat-tmien darba fil-karriera tiegħu. Nhar il-Ħadd 12 ta’ Ottubru il-Klabb tax-Shamrock Rovers organizzaw dawn il-Kampjonati tad- Duathlon taħt l-awspiċi tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon ġewwa l-Għarb Għawdex. It-tellieqa kienet tikkonsisti f’ġirja ta’ 5km, rota ta’ 20km u terġa’ ġirja oħra din id-darba ta’ 2.5km

Galea mar mill-ewwel fuq quddiem kif bdiet it-tellieqa. Huwa beda l-ġirja b’pass b’saħħtu ħafna. Kien biss l-atleta Shaun Pulicino li kien kapaċi jżomm il-pass ta’ Galea u fetħu vantaġġ tajjeb fuq il-kumplament tal-atleti li ħadu sehem. Galea u Pulicino daħlu flimkien fl-ewwel transizzjoni imma Galea kien iktar veloċi minn Pulicino u fetaħ vantaġġ ta’ 20 sekonda fit-transizzjoni biss. Pullicino ħass l-isforzi li għamel fil-ġirja biex iżomm il-pass ma’ Galea għax l-atleta ta’ Team Barry, Bike it up Racing beda jżid il-vantaġġ tiegħu fuq ir-rota ma’ kull qadfa.

Galea baqa’ fl-ewwel post sakemm temm it-tellieqa biex rebaħ it-tmien titlu tiegħu tad-Duathlon f’ħin ta’ 1.03.00. Shaun Pullicino spiċċa fit-tieni post 53 sekonda wara Galea. Kienet taqtiegħa interessanti bejn Christopher Buhagiar u Josef Azzopardi għat-tielet post. Huma daħlu flimkien mir-rota imma fit-2.5km ġirja Buhagiar kien iktar veloċi biex spiċċa fit-tielet post f’ħin ta’ 1.06.06 u għamilha podju doppju għall-Bike it up Racing

L-atleta ta’ Team Barry qal li jinsab vera kuntent li rebaħ dan it-titlu għat-tmien darba biex kiser ir-rekord hekk kif sar l-iktar atleta li qatt rebaħ dan it-titlu. Huwa jixtieq jiddedika dan it-titlu lil ommu u lil missieru li huma ta’ sapport kbir għalih u jaf iktar minn ħaddiehor kemm dan ir-rekord ifisser ħafna għalih. Huwa xtaq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu Eurosport Malta Adistores Malta Bike it up Racing, TeamBarry, Team Fabio, Team Stazi, it-terapista tiegħu Duncan Abdilla, Starbene Takewhey, Malta Triathlon Federation u SportMalta tas-sapport kontinwu li jagħtuh.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport