It-triatleta internazzjonali ta’ Team Barry / Bike it up race Keith Galea kiseb l-ewwel post fil- kategorija tiegħu fil-Garmin Triathlon 70.3 li saret f’Sycow fil-Polonja. It-tellieqa kienet Half Ironman li kienet tikkonsisti f’għawma ta’ 1.9km, 90km rota u 21km ġirja. Wara jiem ta’ maltemp, fil-ġurnata tat-tellieqa it-temp kien wieħed ideali għat-tellieqa.
Galea ħareġ mill-ilma fit-tieni post f’ħin ta’ 28.45. Wara transizzjoni tajba, Galea beda r-rota b’pass b’saħħtu imma matul is-sezzjoni tar-rota qam ir-riħ u dan għamel it-tellieqa iktar diffiċli għall-atleti. Galea ddeċieda li jkun konservattiv fil-mod kif iqassam il-pass tiegħu għall- kumplament tat-tellieqa. Madankollu xorta waħda għamel ħin vera tajjeb fejn għamel id-90km f’ħin ta’ sagħtejn u kwarta b’veloċitá medja ta’ 40k/h u daħal fit-transizzjoni fis-seba’ post. Fil-ġirja Galea sab pass tajjeb u konsistenti fejn għamel in-Nofs Maratona f’ħin ta’ siegħa u 26 minuta biex spicca t-tellieqa fil-ħames post f’hin ta’ erba’ sigħat u 14-il minuta. Dan ir-riżultat wassal biex Galea kiseb ir-rebħa fil-kategorija tiegħu.
Galea jinsab sodisfatt immens bil-prestazzjoni tiegħu. Huwa qal li jinsab sorpriż kif ħareġ fit- tieni post mill-ilma. Huwa wkoll sodifatt bir-rota speċjalment għax kien ir-riħ mill-ġenb u dan kien jirrikjedi li taħli iktar enerġija. Kien importanti ħafna li jkollok in-nutrizzjoni tajba f’tellieqa twila bħal din u li tixrob sew u vera kuntent li kiseb rebħa tajba barra min xtutna.
Galea jixtieq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu Eurosport Malta, TEAM BARRY, Bike it up, Team Stazi, Team Fabio, Starbene Takewhey u lit-terapista tiegħu Duncan Abdilla li kien ta’ sapport kbir fil-ġimgħa tat-tellieqa.