Sunday, December 22, 2024

Keith Galea, Krista Kuusijarvi jipprovdu tmiem eċċitanti għall-Go&Fun BSJ Sprint Triathlon Series

Aqra wkoll

L-aħħar tellieqa tal- Go&Fun BSJ Sprint Triathlon kienet waħda eċċitanti, bl-ebda rebbieħ ċar sal-aħħar minuta hekk kif l-atleti li kienu fuq quddiem u li ddominaw is-serje matul is-sajf, baqgħu jbiddlu l-postijiet matul it-tellieqa kollha.

L-ewwel mill-għawma ta’ 750m kien Kai Azzopardi, li għadda lil Keith Galea malli laħqu l-ewwel baga biex ħa l-vantaġġ u wasal l-ewwel fiż-żona ta’ transizzjoni. Warajh, Galea u Ryan Muscat daħlu ras imb ras fit-transizzjoni sabiex komplew għat-taqsima ta’ 20km tar-rota.

Kien f’din it-taqsima li l-postijiet bdew jinbidlu u Galea ħa l-vantaġġ quddiem Azzopardi u Muscat. Hekk kif Galea daħal fit-tranżizzjoni, Muscat u Azzopardi tnejn ippruvaw li jgħaddu lil xulxin, b’riżultat li t-tlieta li daħlu prattikament flimkien. Transizzjoni mgħaġġla ta’ Azzopardi rah joħroġ lejn il-ġirja ta’ 5km l-ewwel, b’Muscat jsegwiħ. Galea, determinat li jirbaħ l-aħħar tiġrija ta spinta determinata biex bil-mod il-mod qabiżhom. Azzopardi spiċċa fit-tieni post, b’Muscat jispiċċa ħames sekondi warajh.

Sitwazzjoni simili ġrat fil-kategorija tan-nisa, Danica Bonello Spiteri pproduċiet għawma b’saħħita biex kisbet vantaġġ komdu fuq Keira Attard u Krista Kuusijarvi. Waqt li ħarġet fuq il-korsa tar-rota qabel dawn it-tnejn, Bonello Spiteri żammet il-vantaġġ sal-aħħar ftit metri meta Kuusijarvi qabżita fl-aħħar ftit metri qabel iż-żona tat-tranżizzjoni. Minn hemm ‘il quddiem Kuusijarvi ħadet il-vantaġġ biex spiċċat it-tellieqa u pproduċiet l-aħjar ħin tagħha għas-Serje. Bonello Spiteri spiċċat fit-tieni post segwita minn Attard li pproduċiet wkoll l-aħjar ħin personali għas-sajf.

Bl-aħħar tiġrija tas-Serje, mitmuma, Keith Galea u Danica Bonello Spiteri ġew inkurunati rebbieħa globali tas-Serje mill-President tal-Club Ray Grech.

“Filwaqt li s-Serje ntrebħet minn dawk li jistgħu jissejħu triatleti veterani Keith Galea u Danica Bonello Spiteri, is-Serje pproduċiet xi talent ġdid promettenti ħafna kemm fil-kategorija Irġiel u Nisa. Talent promettenti deher ukoll fis-Serje Żgħażagħ. Dan jawgura tajjeb għall-futur tal-isport tagħna, li għalih l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet qed issir dejjem aktar ta’ sfida sena wara sena” irrimarka Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali, Birkirkara St Joseph Sports Club. “Issa li s-Sajf tal-Isport tagħna ntemm, se nibdew naħdmu fuq staġun li jmiss, billi nevalwaw l-andament ta’ din is-sena biex niżguraw l-aħjar esperjenza ta’ tlielaq possibbli għall-atleti tagħna”.

Il-Club ospita wkoll l-aħħar tiġrija tal-Go&Fun Youth Triathlon Series li kienet popolari ħafna u li għandha l-għan li trawwem passjoni għat-Triathlon fost atleti iżgħar. Ġie ppreżentat trofew lill-ewwel atleti nisa u rġiel li ħadu sehem fl-erba’ tiġrijiet tas-serje fl-erba’ kategoriji – Oliver Buccheri, Mickaya Fava (Kategorija 1), Leo Buccheri, Nina Debono (Kategorija 2), Giuseppe Borg, Zija Fuji (Kategorija 3) u Chylen Fava (Kategorija 4).

Il-Klabb ħa l-opportunita biex jirringrazzja lil Go & Fun Green Energy Drink talli għal darb’oħra appoġġjaw is-Serje, kif ukoll lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar u lil Transport Malta għall-għajnuna tagħhom. Il-gratitudni tmur lejn il-voluntiera kollha, uffiċjali tat-tellieqa, time keepers, marshalls u dawk kollha li taw sehemhom għas-suċċess tas-Sajf tal-Isport tal-Klabb.

L-impenn li jmiss fuq il-Kalendarju tal-Klabb huwa l-Malta International Challenge Marathon li se ssir bejn il-25 u s-27 ta’ Novembru.  Il-maratona, li hi ċċertifikata mill-AIMS, hija mifruxa fuq tlett ijiem u hija avveniment uniku, popolari ħafna mal-atleti internazzjonali. Wieħed jista’ jieħu sehem fuq livell individwali jew bħala tim relay.  Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa online – https://bsj.mt/event/2022-eurosport-malta-international-challenge-marathon/

Ekonomija

Sport