Saturday, October 26, 2024

Keith Galea, Krista Kuusijarvi jirbħu l-unuri fil-Kampjonat Nazzjonali tat-Triathlon fis-Salina

Aqra wkoll

Il-Kampjonati Nazzjonali tat-Triathlon għalqu l-istaġun multisport lokali nhar il-Ħadd meta l-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon ospitat triatleti għall-avveniment, fuq distanza standard li kopriet distanza ta’ 1.5km ta’għawm, 40km fuq ir-rota u  ġirja ta’ għaxar kilometri fit-Triq il-Kosta tas-Salina.

Kif kien antiċipat Keith Galea rebaħ it-tellieqa, biex issiġilla t-tmien titlu Nazzjonali tiegħu, filwaqt li r-rebbieħa femminili kienet Krista Kuusijarvi, atleta relattivament ġdida fix-xena lokali.

Keith Galea ħa l-vantaġġ mill-bidu nett tat-tellieqa. Hu ħareġ l-ilma l-ewwel b’vantaġġ komdu fuq Josef Azzopardi u Sean Michael Darmanin li ħarġu mill-għawma ta’ 1.5km b’sekonda biss tifridhom.

Fuq ir-rota, Galea kompla jiddomina t-tellieqa u żamm distanza tjaba bejnu u l-atleti oħra li qed jikkompetu għal post fuq il-podju. Matul din it-taqsima, l-postijiet wara Galea bdew jinbidlu, b’Steve Ritchie jaqbeż lil Azzopardi u Darmanin fit-tentattiv li jibqa fuq quddiem kemm jista’ jkun.

Sadanittant, Azzopardi żammu qrib u sa meta t-tliet atleti bdew il-ġirja Ritchie u Azzopardi kienu viċin biżżejjed biex iżommu lil kulħadd jaħkem min kien se jieħu t-tieni post.

Galea, baqa fuq quddiem biex rebaħ it-tellieqa f’sagħtejn 7 minuti, u 55 sekonda.

Fl-aħħar metri tat-tellieqa, Ritchie ta spunt il-quddiem biex spiċċa t-tellieqa tnax-il sekonda qabel Azzopardi.

Il-kategorija tan-nisa kienet missielta bejn Krista Kuusijarvi u Marquita Muscat. Kuusijarvi, li għamlet id-debutt tagħha fix-xena lokali s-sena l-oħra, tat rendikont tajjeb tagħha tul l-istaġun kollu u rebħet ukoll il-medalja tad-Deheb fl-avveniment tad-duathlon waqt il-Malta Invitational Games mtella’ mill-Kumitat Olimpiku Malti fi tmiem il-ġimgħa. Kuusijarvi żammet postha fuq quddiem tul it-tellieqa kollha biex rebħet l-ewwel titlu tagħha.

Il-Kampjonati Nazzjonali nżammu fl-istess tmiem il-ġimgħa li triatlei Maltin ipparteċipaw fil-Malta Invitational Games. It-tlett dixxiplini kienu l-Aquathlon, id-Duathlon, u t-Triathlon fejn Malta kisbet total ta’ għaxar midalji. Tliet midalji tad-Deheb intrebħu minn Krista Kuusijarvi (Duathlon), Hannah Cutajar (Triathlon), Maya Schembri Rogers (Aquathlon), erba’ midalji tal-Fidda nksibu minn Ryan Muscat (Aquathlon), Danica Bonello Spiteri (Duathlon, Aquathlon, Triathlon) u tliet medalji tal-Bronż miksuba minn Ryan Muscat (Duathlon u Triathlon) u Nick Sammut (Duathlon).

It-Tmiem il-ġimgħa li għadda kien weekend ta’ suċċess għat-triatleti Maltin, partikolarment fix-xena internazzjonali fejn kisbu għaxar midalji. F’termini tal-Kampjonati Nazzjonali, kien hemm kompetizzjoni qawwija fit-tellieqa tal-irġiel iżda l-parteċipazzjoni tat-tiġrija tan-nisa kienet diżappuntanti.” irrimarka Davide Cachia, President tal- Federazzjoni Maltija tat-Triathlon. “Hekk kif nikkonkludu l-istaġun, issa se nieħdu rendikont ta’ din is-sena biex nidentifikaw oqsma ta’ titjib  li huma fil-kontroll tagħna. Il-parteċipazzjoni u l-esperjenza fit-tiġrijiet huma fuq l-aġenda tagħna u se nkunu qed naħdmu mal-partijiet interessati kollha biex l-istaġun li jmiss ikun wieħed aħjar.”

Malta Triathlon Federation Riżultati Kampjonati Nazzjonali

 IrġielNisa
1stKeith Galea (Birkirkara St. Joseph Sports Club)  2:07:55Krista Kuusijarvi (Shamrock Stars) 2:30:07
2ndSteve Ritchie (TriGozo) 2:13:14Marquita Muscat  (TriGozo) 2:48:49
3rdJosef Azzopardi (Tri Gozo) 2:13:26 

Sport