Saturday, November 16, 2024

Keith Schembri bit-talba għal amministratur tal-kumpaniji milqugħa

Aqra wkoll

Tliet imħallfin laqgħu t-talba tal-eks-Chief-of-Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, biex jinħatar amministratur ħalli l-kumpaniji li huwa involut fihom ikomplu joperaw.

Kien fil-21 ta’ Settembru li għadda li Schembri kien arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ investigazzjoni fuq ħasil ta’ flus waqt li l-kumpaniji li għandu sehem fihom ġew sekwestrati.

Huwa talab lill-Qorti Kriminali taħtar amministratur biex il-kumpaniji jibqgħu joperaw għax inkella setgħu jfallu u l-ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom.

Madankollu din ċaħditlu t-talba u kien għalhekk li Schembri, il-persuni l-oħra involuti f’negozju miegħu u l-kumpaniji tagħhom fetħu kawża fil-Qorti Kostituzzjonali.

Quddiem il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul l-istess Schembri sostna li jekk ma jinħatarx amministratur il-kumpaniji kienu se jispiċċaw f’xifer l-irdum f’qasir żmien.

Min-naħa tagħhom l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija oġġezzjonaw għax qalu li jekk tintlaqa’ it-talba se tiġi mfixxkla l-investigazzjoni tal-Pulizija.

It-tliet imħallfin ma qablux ma’ dan l-argument u sostnew li l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma spjegawx kif il-ħatra ta’ amministratur għall-kumpaniji kienet se tfixkel l-investigazzjoni.

Kien għalhekk li huwa laqgħu parzjalment it-talba ta’ Schembri u dawk b’interess fin-negozju tiegħu u iddeċidiet li l-Qorti Kriminali kellha taħtar amministratur wara li tisma lin-naħat involuti fil-kawża.

Ekonomija

Sport