Kelb ta’ 17-il sena li kien salvat minn familja fl-aħħar xhur ġie ppremjat bħala l-ikreh kelb fid-dinja.
Il-kelb bl-isem ta’ ‘Happy Face’ ma tantx deher emozzjonat għar-rebħ ta’ dan it-titlu u l-premju finanzjarju ta’ $1,500, iżda l-espressjoni fuq wiċċ sidtu Jeneda Benally ma kellha bżonn l-ebda deskrizzjoni.
Il-kelb Wild Thang li jappartjeni lil Anne Lewis kiseb it-tieni post filwaqt dak ta’ Scotch Haley bl-isem ta’ Monkey kiseb it-tielet post.
Din il-kompetizzjoni tal-ikreh kelb fid-dinja ilha ssir għal kważi aktar minn 50 sena, tippromwovi li persuni jadottaw l-annimali aktar milli jixtruhom. L-għan ewlieni hu li jiġu ċċelebrati l-imperfezzjonijiet li jagħmlu dawn il-klieb speċjali u uniċi.
Jeneda adottat il-kelb tagħha minn shelter tal-annimali f’Arizona wara li dan kien salvat minn residenza ta’ xi ħadd li kien ibati minn kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ kontroll fl-organizzazzjoni tal-affarijiet tant li nstab qalb diżorganizzazzjoni sħiħa.
Is-sidt fakkret il-mument li rat b’għajnejha għall-ewwel darba u li minkejja li għandu wiċċu sfigurat għaliha kien l-aktar kreatura kuntenta li qatt lemħet.
Il-kelb kien adottat f’Awwissu tas-sena li għaddiet u minħabba l-problemi fiżiċi tiegħu, Jeneda u familtha kienu mwissijin li l-kelb ma kienx se jaqbeż it-tliet xhur ħajja. Minkejja dan, 10 xhur wara, il-kelb għadu qiegħed juri mod ieħor.