Raġel Britanniku ta’ 35 sena tilef ħajtu wara li safa attakkat minn kelb il-baħar ġewwa Sydney l-Awstralja. Dan kien l-ewwel attakk fatali ta’ dan it-tip f’dawn l-aħħar 60 sena.
Il-pulizija għadhom ma identifikawx formalment lill-vittma, iżda ħabib tiegħu qalu li dan huwa Simon Nellist. L-awtoritajiet għadhom qed ifittxu lill-kelb il-baħar, li huwa great white, u ċ-ċittadini qed jiġu pprojbiti milli jinżlu fil-baħar tant li għadd ta’ bajjiet ingħalqu.
Attakki bħal dawn huma rari ħafna ġewwa Sydney u dan minħabba li l-bajjiet huma protetti bi xbieki kbar u deterrenti oħrajn biex ma jħallux klieb il-baħar u predaturi oħrajn jidħlu.