Saturday, December 21, 2024

Kelb imsawwat sal-mewt wara li sidu ntbagħtet kwarantina

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Vidjow li qabad fil-fatt ħaddiema tas-saħħa Ċiniżi jsawtu sal-mewt kelb ta’ mara li ntbagħtet kwarantina, inxtered mal-pajjiż kollu u wassal għal kundanni ħorox għall-aġir inuman tal-istess agressuri. Is-sid, Yi Zhi Xue Qui,  akkużat uffiċjali tas-saħħa li sawtu bla ħniena lill-kelb tagħha ta’ tliet snin li kien jismu Snowball u tat bħala evidenza filmat tas-sigurtà li kien qiegħed fil-kamra tal-appartament tagħha fejn inqatel il-povru kelb.

Jingħad li fil-bidu ta’ dan ix-xahar Qui ntbagħtet f’faċilità apposta biex tagħmel perjodu ta’ kwarantina wara li l-għarus tagħha rriżulta pożittiv għall-Covid-19. Skont din il-mara, hija kellha tħalli lil Snowball warajha minħabba li ma tawhiex permess tieħu l-annimal domestiku magħha. Hija ġiet infurmata li ħaddiema tas-saħħa kienu se jmorru jiddiżinfettaw l-appartament tagħha fil-perjodu li hija kienet se tkun assenti.

Il-vidjow li hija tellgħet fuq il-pjattaforma “Weibo” juri żewġ ħaddiema b’ilbies protettiv li f’idejhom kellhom żewġ ħadidiet. Dawn dehru jersqu lejn kelb jinbaħ u mbeżża’ li pprova jaħrabilhom. Il-ħaddiema ma damux biex ikkontrollaw l-annimal bid-daqqiet li bdew jagħtuh bil-ħadid u telqu l-kamra li kienu fiha malli ndunaw li qatlu l-kelb ta’ Qiu.

Fil-post tagħha sid il-kelb tellgħet ukoll konversazzjoni online li kien hemm bejnha u bejn il-ħaddiema tas-saħħa fejn infurmathom li l-kelb mhuwiex agressiv u għaldaqstant mhuwiex ta’ periklu għalihom. Hija kitbet li, “Snowball għalija kien parti mill-familja tiegħi. Mingħajr din l-evidenza miġbuda mill-filmat għandu mnejn li stajna nibqgħu niġu mqarrqa li l-annimali tagħna ngħataw mewta assistita. L-uffiċjali tal-pandemija qaluli li kienu sejrin jiddiżinfettaw id-dar tiegħi u mhux li se joqtluli l-kelb. Min tagħhom id-dritt li jagħmlu dan? Applikajt biex il-kelb jiġi fi kwarantina miegħi iżda assolutament ma riedux jaċċettaw”.

Qui u l-għarus tagħha jinsabu mdejjqin ħafna għat-telfa bikrija tal-kelb għażiż tagħhom li kellu tmiem traġika ħafna.

Stqarrija uffiċjali mill-awtoritajiet lokali kkonfermaw l-inċident u barra li talbu apoloġija lis-sid, dawb ħabbru li l-uffiċjali involuti fil-qtil ta’ dan il-kelb, ġew sospiżi.

IN TEXT QUOTE BREAK:

“L-uffiċjali tal-pandemija qaluli li kienu sejrin jiddiżinfettaw id-dar tiegħu u mhux li se joqtluli l-kelb” – sid il-kelb

Ekonomija

Sport