F’serata t-Tlieta filgħaxija, fil-Jum Dinji tal-Annimali, ittellgħet it-tieni edizzjoni tal-Animal Honours Awards, fejn ġew premjati bosta persuni u annimali li ntgħażlu fost mijiet ta’ nominazzjonijiet.
Dan l-avveniment serva ta’ opportunità oħra b’saħħitha biex mhux biss jiġu ċċelebrati l-kreaturi ħbieb tal-bniedem, iżda anke biex jiġu rikonoxxuti l-persuni li ta’ kuljum ikunu involuti fl-istess qasam b’rabta mal-ħarsien tal-annimali.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo elenka bosta miżuri li twettqu favur dan il-qasam u saħaq li l-gvern impenjat sabiex fiż-żmien li ġej ikompli jimplimenta bosta proposti kruċjali. Żied jgħid li, “Bħala ministeru se nkomplu naħdmu id f’id mat-tmexxija ta’ bosta santwarji, mal-voluntiera kollha f’dan il-qasam u mal-professjonisti kollha sabiex nibqgħu nilħqu l-għan ewlieni, dak li nħarsu b’mod xieraq id-drittijiet tal-annimali u anke nsaħħu l-infrastruttura għal bosta annimali li jiġu abbandunati jew maħqura.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet, “Grata li llum ninsab magħkom waqt din iċ-ċerimonja tant għal qalbi u għal qalb kull wieħed u waħda minna. Inizjattiva bħal din tal-lum hija apprezzament pubbliku mill-gvern tax-xogħol tant siewi u importanti li tagħmlu f’dan is-settur tant għall-qalb il-poplu Malti u Għawdxi. Ir-relazzjoni ta’ bejn il-bnedmin u l-annimali, hija waħda li taqbeż kwalunkwe ostaklu”. Hija ferħet lir-rebbieħa kollha u enfasizzat li l-gvern ser ikompli jaħdem spalla ma’ spalla ma’ dan is-settur għall-ġid tal-annimali u tal-komunità kollha.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina tenniet li dawn il-premjijiet jirrikonoxxu x-xogħol tal-voluntiera u l-annimali u jkomplu jtellgħu s-settur tal-ħarsien tal-annimali fuq l-aġenda nazzjonali ta’ Malta u Għawdex. “Li nara li l-ħarsien tal-annimali jilħaq din il-quċċata fl-aġenda nazzjonali huwa l-għan aħħari tal-uffiċċju tiegħi, u tiegħi bħala kummissarju għall-ħarsien tal-annimali”, żiedet tgħid.
Fit-tieni edizzjoni tal-Animal Honours Awards kien hemm 454 nominazzjoni għal 12-il kategorija.
Ir-rebbieħa ta’ din is-sena kienu:
- Animals in Uniform Award – Ilio
- Adopted Pet of the Year – Stevey
- Smartest Animal Award – Whitey
- Most Popular Companion Animal Award – Jojo, Mimi & Bianca
- Farm Animal Award – Pawla
- Shelter Animal Most Deserving of a Home – Winston
- Most Popular Veterinarian Award – Dr Martha Mifsud
- Most Popular Farmer Award – Marilyn Gatt
- Most Popular Volunteer Award – Christa Cilia
- Most Popular Educator Award – Sharon Scerri
- Most Popular Local Council – Mosta Local Council
- Most Popular Animal Friendly Establishment – Balzan FC
Ingħataw ukoll dawn is-Special Awards:
- Special Award tad-Direttur fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, Patricia Azzopardi – Vincent Ciantar
- Special Award tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina- Elliot Magro, Spettur tal-Pulizija
- Special Award tas-Segretarju Permanenti, Sharlo Camilleri – Dr Josianne Williams
- Special Award tas-Segretarju Parlamentari, Alicia Bugeja Said – Maria Damato
- Special Award tal-Ministru Anton Refalo – Maxine Borg