Friday, November 15, 2024

“Kellek ħames snin u qatt ma tellajtni nixhed”

Il-PM wara allegazzjonijiet kontinwi mill-eks Kap tal-PN li hu kompliċi fil-każ tal-Isptarijiet

Aqra wkoll

Hekk kif illum il-parlament għażel li jiddibatti dwar id-deċiżjoni tal-Qorti rigward il-konċessjoni tal-isptarijiet, ma naqsux il-mumenti ta’ kommossjoni u l-Ispeaker Anġlu Farrugia saħansitra kellu jintervjeni kemm-il darba biex iwaqqaf l-interruzzjonijiet miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Il-Prim Ministru min-naħa tiegħu kompla fejn ħalla l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li f’diskors dettaljat spjega l-proċess ta’ ħames snin li ilu għaddej b’din il-kawża.

Huwa mbagħad indirizza lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara li qal li dan ipprova jitfa’ xi botti li huwa kellu xi rwol jew le f’dan ir-rigward. “Għedt li fil-kawża xehdu 55 xhud. Kellek ħames snin. Qatt ma sejjaħtli biex nixhed… kont nitla’ fil-kawża bil-ġurament inwieġbek għal kull domanda u ma sejjaħtlix għax il-verità taf fejn qiegħda.”

Delia dlonk intervjena u qal li l-Prim Ministru kien għamel tliet snin fil-kawża iżda xorta għażel li ma jixhidx. Dr Abela wieġeb li “tant kemm Dr Delia jaf li kontu estranju li lanqas id-diċenzja jitlob li l-okkju tal-kawża jinbidel f’ismi ma kellu.”

“Minn Jannar tal-2020 ma ġie ffirmat l-ebda ftehim li jikkonċerna lil Steward”
Sadanittant, il-Prim Ministru sostna li mal-mument li sar Prim Ministru, f’Jannar tal-2020 kellu għażliet x’jagħmel inkluż dwar din il-konċessjoni. “Quddiem għajnejja u f’moħħi l-ewwel prijorità dejjjem tajtha lill-interessi tal-pazjent u l-ħaddiema li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet.”

Huma mbagħad għamel elenku ta’ diversi fatti fosthom li “minn Jannar tal-2020 ma ġie ffirmat l-ebda ftehim li jikkonċerna lil Steward Healthcare. Fl-aħħar tliet snin fil-konfront ta’ Steward ħadna pożizzjoni konsistenti – li l-patti u l-obbligi legali qegħdin hemm biex jiġu osservati.

“Minn Jannar tal-2020, Gvern immexxi minni fittex lil Steward għall-arretrati ta’ taxxa li klieu akkumulaw tant li llum Steward daħħlet lill-Gvern fil-Qorti għax hemm kontestazzjoni legali. Lil steward ma tajnieha l-ebda pagament għajr għal dawk li joħorġu mill-ftehimiet diġà ffirmati.

“Steward ġiet għandna darba, tnejn, tlieta u talbitna nirrevedu u nimmodifikaw il-ftehimiet. Id-deċiżjoni finali tagħna kienet li mhu se jinbidel xejn mill-ftehimiet eżistenti. Għednilhom li d-deċiżjoni aħħarija tagħna kien li se nistennew l-eżitu tal-kawża, kienet deċiżjoni li ħadnieha fl-interess nazzjonali, wara li esplorajna kull xenarju.

“Fatt ieħor kien li bid-deċiżjoni aħħarija tagħna ridt inkun żgur li ma nikkatalizza l-ebda klawsola li setgħet tintitola lil Steward Healthcare għal xi kumpens li jien deherli li ma kinitx intitolata għalih.”

Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru qal li “Gvern immexxi minni se jimxi bl-istess prinċipju konsitenti li ħdimna bih fl-aħħar tliet snin, li jsaħħaħ dak li rnexxa u jkollu l-kuraġġ jirriforma kull fejn meħtieġ. Il-bidliet li wettaq sa mill-ewwel jiem li ngħatajt il-fiduċja u d-deċiżjonijiet ibsin li ħadt, dejjem ħadthom għax emmint li l-aħna akbar mill-jiena.

“Għalhekk, filwaqt li nindirizzaw fejn meħtieġ, nibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar. Għalhekk pajjiżna mexa ‘l quddiem u se jibqa’ miexi ‘l quddiem,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport