Monday, July 14, 2025

Kellha ħlas ta’ €912 fix-xahar… inqabdet tqila u spiċċat barra

…..’mhux lest li nagħtiha €3,600 tal-leave tal-maternità għax nispiċċa inbatihom jien minn ġewwa’. Kien lest iħaddimha bla ktieb

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġiet mit-Tajlandja. Bħal ħafna oħra it-tama tagħha kienet li taħdem f’pajjiżna u ttejjeb il-kundizzjoni tagħha. Kienet taħdem bħala ħassiela. Bdiet b’paga ta’ €814 fix-xahar fis-sena 2022 li imbagħad żdiedet għal €912 sa l-aħħar nofs tas-sena 2024.  Is-sieħeb tagħha jaħdem ukoll f’pajjiżna u spiċċat inqabdet tqila. Is-sid tal-post tax-xogħol ġie infurmat. Ġara iżda li dan ma kienx lest li jħallas il-leave tal-maternità u tterminalha l-impjieg minħabba dan.

Il-ħaddiema Ratchaneekorn Somkaew, kienet taħdem bħala ħassiela bl-impjieg kien beda f’Awwissu tas-sena 2021 u kien terminat nhar it-28 ta’ April tas-sena 2023. L-impjieg kien itterminat minħabba li l-ħassiela kellha erba’ xhur tqala u li eventwalment kienet se titlob li tingħata l-leave tal-maternità.

Meta hi għarrfet lis-sid li kienet tqila kien diġa kellha tlett xhur tqala. Sabiex jgħinha is-sid qalilha biex toqgħod esklussivament mal-cash, biex ma tistrapazzax. Jidher li l-impjegata talbet biex tipprevalixxi ruħha mill-leave tal-maternità iżda is-sid qalilha  li kien kmieni wisq peress li kellha biss tlett xhur tqala u kien jintemmilha l-leave tal-maternità qabel biss tkun welldet. 

Jirriżulta li l-ħassiela kienet impjegata għal żmien definit ta’ sentejn minn meta joħroġ

Il-permess tax-xogħol. Dan il-permess kien ħareġ fit-18 ta’ Awwissu tas-sena 2022 u għalhekk l-impjieg kellu jintemm fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 2024. Uffiċjal tal-kumpanija xehed li kien bagħat għalih is-sid u mar biex ikellmu. “Qalli, jien mhux lest illi nagħtiha  €3,600 tal-leave tal-maternità, inbatihom jien minn ġewwa.  Qalli, fehemha naqra. U nibda nħaddimha bla ktieb, u tibqa’ tħallas il-bolla ħalli l-isptar ma teħilx l-ispejjeż, għax hi l-isptar trid tħallas. Jew tara x’se tagħmel”.

It-Tribunal qal li b’din id-dikjarazzjoni is-sid kien lest li  joffrilha xogħol iżda mhux bħala mpjegata tiegħu. L-impjieg ikun spiċċa.

Il-ħassiela meta xehdet quddiem it-Tribunal iddikjarat li hi ma talbitx ghall-maternity leave f’Jannar. Hi saret taf li s-sid ma kienx se jħallasha  tal-leave tal-maternità mingħand is-sieħeb tagħha, għax  is-sid kien kellem lilu dwar il-leave tal-maternità. Xehdet ukoll li s-sid kien qalilha li  kien se jtemm l-impjieg tagħha qabel ikollha sitt xhur tqala għax wara sitt xhur tqala kien ikollu jħallasha tal-leave tal-maternità.

Jirriżulta li l-‘payslips’ ippreżentati lit-Tribunal, dawk ta’ Jannar, u Frar tas-sena 2023, kellhom nota li tgħid li l-impjieg tagħha kien itterminat f’April 2023 minħabba li ma kinitx tajba għax-xogħol. Mill-proċess kollu jirrizulta li la kien hemm riżenja u lanqas abbandun mill-impjieg.

Ħareġ li l-fatt li s-sid tagħha  cheque li kien ikopri xahrejn paga, li kienu x-xahrejn illi l-Liġi obbligatu jħallas biex iwaqqaf l-impjieg tagħha,  tqieset bħala l-aktar prova li s-sid kien ttermina l-impjieg tal-ħassiela. 

Filfatt is-sid stress jgħid li “qbadt elf u seba’ mija neqsin xi ħaġa….għidt naqbad u neħlisha għax hekk qaltli tal-Labour Office għax mhux ħa nitla’ l-Qorti u imbagħad x’ħin ċemplitli tal-Labour Office u qaltli ‘Cisma, din għax keċċejtha qabel trid ittiha erba’ xhur u nofs paga’. Għedtilha din tinqata’ hawn? Qaltli ‘iva trincata’ hawn, mhux se nfittxu iżjed. Qbadt u tajthomlha”. 

It-Tribunal qal li dan ifisser li meta d-DIER qalulu li kellu jħallas xahrejn paga la hu ma kienx lest li jkompli jimpjegaha u jħallasha tal-leave tal-maternità huwa ħallas ix-xahrejn mill-ewwel.

It-Tribunal iżda qal li l-Artiklu 36 (11) tal-Kap 452 jistipula li, l-Prinċipal li jibgħat ‘l barra mpjegat qabel ma jagħlaq iż-żmien speċifikat f’kuntratt ta’ servizz ikollu jħallas lill-impjegat nofs il-paga kollha li kienet tkun tmiss lill-impjegat dwar il-bqija taż-żmien espressament miftiehem.

Intqal li Skont l-Employment History ta’ din il-ħaddiema  maħruġ mill-jobsplus nhar it-13 ta’ Marzu tas-sena 2025 il-ħaddiema kienet impjegata  mit-18 ta’ Awwissu tas-sena 2022 sat-28 ta’ April tas-sena 2023. L-impjieg kellu jiskadi f’Awwissu tas-sena 2024  preċiżament 17 tax-xahar.

It-Tribuanl qal li l-kalkolu ta’ xahrejn paga magħmul mid-DIER kien ibbażat fuq premessa żbaljata u cioe` dik li l-impjieg kellu jiskadi f’Awwissu tas-sena 2023 (minflok f’Awwissu tas-sena 2024).

Ġie dikjarat mit-Tribunal li l-impjieg ta’ din il-ħaddiema Tajlandiża intemm inġustament  u s-sid ġie ordnat iħallas kumpens ta’ €5.566.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport